Dlam, kesħa, umdità u riħa nsapportabbli. Dawn huwa wħud mill-kundizzjonijiet li kellha tgħix fihom għal tlett ijiem sħaħ Natalie Williams, ta’ 46 sena wara li allegatament żewġha qafilha f’kamra mħaffra fil-blat fil-limiti tar-Rinella fil-Kalkara. Każ li qed jiġi trattat mill-Pulizija bħala attentat ta’ qtil.
Kien tard it-Tnejn filgħaxija meta Williams instabet wara li kienet ilha tlett ijiem irrapportata nieqsa. Sejba li saret wara li argument li seħħ bejn żewġha u xi qraba minn tagħha wassal għal żewġha allegatament jammetti li kien hu li qafilha f’post imwarrab.
Fuq il-post mar it-tim ta’ ONE News fejn kif proprju jixhdu r-ritratti, il-post hu wieħed imwarrab ħafna u li biex wieħed isib triqtu għalih irid ikun jaf iż-żona sew. Wara ftit ħin li kienu ilhom fil-post setgħu jilmħu ġurdien għaddej u kesħa kbira li żgur mhux forsi matul il-lejl tirdoppja.
Wara li tidħol għal din iż-żona, weħed isib żewġ gates antiki ħafna u li kif tgħaddi minnhom issib it-taraġ. Kif titla t-taraġ, dan iwasslek għall-kamra li nstabet fiha Williams, kamra mħaffra fil-blat, mingħajr dawl u mingħajr bieb.