F’operazzjoni delikata fin-Nofsinhar ta’ Malta, il-forzi tal-ordni bl-għajnuna tas-servizzi tas-sigurtà rnexxielhom jarrestaw erba’ rġiel, tlieta minn Birżebbuġa u ieħor mix-Xgħajra suspettati li kienu l-moħħ wara bomba li tqiegħdet ma’ karozza ta’ negozjant fil-Fgura. Fost dawk arrestati hemm ċertu Pierre Cachia, ħu d-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.
L-operazzjoni bdiet kmieni l-Ħamis filgħodu wara kważi xahrejn ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-pulizija u l-esperti forensiċi.
L-operazzjoni ħadet bosta sigħat u fiha ħadu sehem għadd ta’ taqsimiet tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta.Residenti fiż-żona tal-Qajjenza f’Birżebbuġa qalu lil One News li għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu lemħu lill-Pulizija jimmanettjaw wieħed mill-irġiel arrestati li kien f’kamra f’għalqa li fiha hemm maħżuna bosta trakkijiet u skips.
L-operazzjoni li saret mill-art u anke mill-ajru permezz ta’ ħelikopter tal-Armata, kompliet għaddejja sa tard waranofinhar f’divesi postijiet relatati b’għadd ta’ uffiċjali tal-forensika u oħrajn tat-Taqsima tal-Isplussivi tal-Forzi Armati ta’ Malta jiġbru kull evidenza minn fuq il-post.
Kien fl-erbgħa ta’ Jannar li għadd li l-pulizija bdiet bl-istħarriġ tagħha dwar dan il-każ meta flimkien ma’ membri tat-taqsima tal-isplussivi tal-Forzi Armati ta’ Malta bdew ħidma delikata biex ineħħu l-bomba li twaħħlet mal-vettura tan-negozjant tal-karozzi Mario Scicluna.
Il-Pulizija ġew informati bil-każ wara li r-residenti s-semgħu ħoss ġej minn taħt il-vettura wara li ħadet biċċa mill-bomba. Sorsi qrib l-investigazzonijiet tal-pulizija spjegaw ma’ one news li dan kien kruċjali biex il-pulizija wasslu għall-arrest tal-erbgħa rġiel. Dan wara li l-invesitaguri analizzaw b’reqqa kbira l-kontenut tal-bomba li ma ħaditx u li baqgħet imħawwla mal-karozza bl-isplussiv li aktarx kien TNT.
Il-Puliizja qalet li l-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerro Herrera li qed tmexxi l-inkjesta dwar dan il-każ ġiet informata bl-iżviluppi li seħħu matul il-jum waqt li l-investigazzjonijiet tagħha għadhom għaddejjin.
Intant b’reazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia faħħru l-ħidma tal-forzi tal-ordni f’pajjiżna għall-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità f’pajjiżna.