Fuq Facebook, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ppubblika sett ta’ ritratti li juru x-xeni li sabu ma’ wiċċhom l-uffiċjali Maltin li jinsabu t-Turkija biex jgħinu fl-isforzi ta’ salvataġġ li qed isiru, l-għada tat-terremoti li ħasdu eluf ta’ ħajjiet fit-Turkija u fis-Sirja.
Aktar kmieni dalgħodu, tnejn u tletin uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili u kelb, waslu f’Elazig, fejn imbagħad kellhom vjaġġ ta’ madwar disgħin minuta oħra biex jaslu fuq waħda mill-aktar żoni milquta.
Issa, l-uffiċjali jinsabu fuq il-post tat-tifrik u qegħdin jaħdmu, b’koordinazzjoni ma’ ħaddiema ta’ salvataġġ oħra, bil-għan li jsibu aktar nies ħajjin.
Din hija l-ewwel darba li uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru f’operazzjoni barra ’l pajjiż biex isalvaw lin-nies.






