Kmieni l-Ġimgħa filgħodu fit-toroq ma kien hemm l-ebda student u studenta jistennew il-vann għall-iskola.
Kif mistenni l-inħawi tal-iskejjel kienu kwieti ħafna inkluż il-campus tal-università.
Illum barra l-iskejjel tagħna m’hawnx l-istorbju tal-istudenti eċċitati għal ġurnata oħra ta’ tagħlim. Hawn biss kwiet. Kwiet li jimmarka l-ewwel ġurnata tal-għeluq tal-iskejjel sabiex ikompli jiġi kkontrollat it-tixrid tal-Coronavirus.
Malta kienet fost l-ewwel tmien pajjiżi biss fl-Unjoni Ewropea li għalqet l-iskejjel u ċ-childcare centres bi prekawzjoni minħabba din l-influwenza.
L-iskejjel għandhom magħluqa żgur sal-għoxrin ta’ Marzu u wara se jitħabbar jekk għandhomx jibqgħu magħluqin.
Il-ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar li bi qbil mal-Union tal-Għalliema, l-MUT, twaqqfet task force konġunta li għandha l-għan tara l-impatt fuq il-kurrikulu u x’ikun l-aħjar użu ta’ pjattaformi online għall-istudenti, l-aktar dawk tal-primarja u sekondarja.
U waqt li l-iskejjel mhumiex jilqgħu tfal u għalliema, f’diversi skejjel beda jsir xogħol ta’ manutenzjoni. Fosthom fil-kullegġġ Maria Reġina fejn il-ħaddiema tal-Gvern bdew iqiegħdu l-madum fl-iskola primarja tal-Għargħur u xogħol ta’ tikħil u tibjid fl-iskola primarja fil-Mellieħa.
Intant f’dawra bil-karozza li għamilna f’diversi toroq Maltin bosta dehru jistennew barra l-ħwienet tal-merċa sabiex jixtru l-bżonnijiet tagħhom.
Dan filwaqt li bosta ħwienet bdew iwasslu x-xirja d-dar lil persuni anzjani u lil dawk li jinsabu maqbudin fi djarhom minħabba l-kwarantina mandatorja.
Innutajna wkoll li bosta bandli fl-ibliet u l-irħula maltin inżammu magħluqa.
Sriebet ta’ nies ukoll quddiem il-fergħat tal-banek. Il-Bank of Valletta ħeġġeġ lill-klijenti jmorru fil-fergħat biss għal każijiet urġenti u jużaw il-mezzi elettroniċi.
L-ispiżjara wkoll ħadu mezzi ta’ prekawzjoni. Ħafna minnhom ħarġu s-siġġijiet barra u bdew jaqdu lin-nies minn fuq il-bankina.
Oħrajn dehru jdaħħlu klijent wieħed biss fl-ispiżerija. Dan sabiex ma jkunx hemm ħafna nies f’daqqa fil-ħanut.
Bosta anzjani marru wkoll bied jiġbru x-xahrejn mediċini pemrezz tal-iskema l-ispiżjar tal-għazla tiegħek.
Dan wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li minn din il-ġimgħa se jitqassmu biżżejjed mediċini għal xahrejn lil 140,000 anzjan u anzjana.