L-operazzjoni saret fi Sqaq il-Ġerrejja kantuniera ma’ Sqaq l-Istalel, propju ftit metri ‘l bogħod mill-korsa taż-żwiemel fil-Marsa.
Hemm hekk il-pulizija sabu li dik li kienet magħrufa bħala l-lukanda taż-żwiemel inbidlet f’għadd ta’ kmamar li fiha bdew jgħixu għexieren ta’ immigranti f’kundizzjonijiet miżeri.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li sebgħa u erbgħin persuna ġew arrestati u ttieħdu d-Depot biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Hu mifhum li kien hemm ħafna iżjed immigranti jgħixu f’dawn l-istalel iżda laħqu telqu għax-xogħol.
Fil-fatt fil-kmamar, instabu mal-mitejn sodda.
Kien hemm dsatax-il kamra b’madwar għoxrin metru kwadru ‘l waħda.
Saħansitra mat-tnax-il persuna jew aktar kielu, raqdu, ħaslu u għexu f’dan l-ispazju ristrett li qatt ma kien intenzjonat biex jgħixu n-nies fih.
L-Awtoritajiet qalu li kienu se jħallu lill-immigranti biex jirritornaw u jiġbru ħwejjiġhom u jħallu l-post.
F’kummenti ma’ one news, wieħed mis-sidien qal li kera l-istalel tiegħu lill-immigranti, iżda ma qalx kemm kien qed idawwar mindu biddel l-użu tal-post.
“Jien krejt l-istalel lis-suwed, daqshekk.” “U kemm kellek persuni, kemm kont qed iżomm?” “Wieħed ġo kull kamra.” “U kont qed tikkrihlhom” “Nikkrihilhom, b’xejn ħadd ma jagħmel xejn.”
Dan l-istess sid ħassu urtat għax qal li l-pulizija m’għarfuhx qabel bl-azzjoni ta’ infurzar.
“Kelli ż-żwiemel u bdejt nikriha lil dawn.” “U x’għamlu l-pulizija issa.” “Mhux kisru kull m’hemm, faqgħu ‘l bibien, faqgħu ‘l bibien ta’ ġewwa. Kissru kull m’hemm mingħajr m’avżawna.” “Ċempluli fis-sitta ta’ filgħodu, ma tawniex ċans nasal u sibt kull m’hemm imkisser. Mhux talli faqgħu ‘l bieb ta’ barra, talli faqgħu ‘l bibien ta’ ġewwa, vendikazzjoni, vendikazzjoni.” “Kif qed tħossok issa? “Kif tridni, mhux inħossni ferħnan.”
Madankollu, metri ‘l bogħod stajna naraw l-avviż ta’ inforzar li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar fl-ewwel ta’ Lulju li għadda.
Dan l-avviż ta ċans sittax-il jum sabiex dawn is-sidien jirregolaw ruħhom, iżda jidher li din in-notifika waqgħet fuq widnejn torox.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar saħaq li wara din l-operazzjoni daħlu iżjed rapporti u ħalef li l-infurzar se jibqa’ għaddej.
“L-Awtorità bħalissa għadha qed tinvestiga xi numru ta’ rapporti oħra li daħlulha llum, anki wara l-operazzjoni li għamilna. Ovvjament ħa nkunu qegħdin naraw aktar fil-viċin jekk ma jkunx hemm min jimxi mal-ordnijiet dak ikun…”
One news jinsab informat li l-pulizija għad trid tistabbilixxi jekk tieħux passi legali kontra s-sidien. Sorsi qalu li l-uniku illegalità li wettqu s-sidien u li taqa’ taħt l-Awtorità tal-Ippjnar, kienet dik li biddlu l-istalel f’post ta’ akkomodazzjoni.