Persuni mhux magħrufa reġgħu ppruvaw jivvalenaw il-klieb tal-kaċċaturi fis-sit tal-Miżieb.
Dan qalitu l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK fejn ppubblikat ukoll ritratt ta’ zalzett tal-Malti li kellu miegħu ammont sostanzjali ta’ velenu.
L-FKNK qalet ukoll li fortunatament il-kaċċaturi indunaw b’dawn in-nases qabel il-klieb tagħhom u l-ebda kelb ma laħaq kiel minn dan iz-zalzett.
L-FKNK fakkret ukoll f’dak li ġara ftit tal-jiem ilu meta nstab basket mimli velenu tal-ġrieden li nstab imxerred fir-Riżerva tal-FKNK fil-Miżieb.
L-istqarrija qalet li l-iskop makabru għalfejn jitpoġġa dan il-velenu, huwa attakk mimli mibegħda għall-kaċċaturi li jkunu bil-klieb tal-kaċċa tagħhom, li jistgħu faċilment jisfaw vittmi tal-velenu.