Illejla għandu jasal Malta t-tieni arjuplan u jingħaqad mal-kumplament tal-flotta tal-Air Malta. L-arjuplan huwa tal-għamla A32neo u se jkollu 180 seat għall-passiġġiera.
Dan l-arjuplan diġà ġie rreġistrat f’Malta. Matul din il-ġimgħa kienu għaddejjin l-aħħar testijiet.
Dan hu t-tieni arjuplan ġdid li ħa jingħaqad mal-Air Malta, hekk kif il-linja nazzjonali għaddejja b’proċess biex ikollha flotta ġdida.
L-ajruplan il-ġdid għandu magni ġodda li għandhom aktar effiċjenza fil-konsum tal-fuel u jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li l-arjuplani l-ġodda se jnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpanija b’20%, dan minħabba l-effiċjenza fil-konsum tal-fuel. Dan ifisser li b’dawn l-arjuplani jistgħu jsiru titjiriet itwal.
“Għal kull Airbus A320neo li jingħaqad mal-Air Malta, il-linja tal-arju qiegħda tiffranka mijiet ta’ tunnellati ta’ fuel kull sena u waqt li l-emissjonjiet fl-arja jonqsu b’24%” qal Mizzi.
L-arjuplan huwa mgħammar bi dwal LED, għandu spazju akbar għall-bagalji u huwa 50% aktar silenzjuż minn mudelli oħra ta’ A320.
Il-Ministru Mizzi tenna li l-wasla ta’ dan l-arjuplan huwa pass importanti fl-istorja u l-iżvilupp tal-linja nazzjonali. Huwa sostna li l-Air Malta qed tippjana li sa erba’ snin jkollha l-flotta kollha tal-Airbus A320neo, bil-għan li dawn jieħdu post l-arjuplan antiki. Dan sabiex l-Air Malta toffri aktar effiċjenza, affidabilità u għażla aħjar ta’ postijiet.
Matul is-sena finanzjarja, il-linja nazzjonali rreġistrat profitt hekk kif daħħlet fis-seħħ l-istrateġija ta’ tkabbir fil-profitt.