Id-Dwana Maltija qabdet ammont rekord ta’ droga kokaina mill-Port Ħieles.
Il-qabda tad-droga tammonta għal 740 kilogramma ta’ kokaina li kienu moħbija f’kontejner ta’ 40 pied. Hija maħsuba li d-droga fis-suq kellha valur ta’ bejn €90 u €100 miljun.
Id-droga kienet fi triqitha ma’ merkanzija mill-Ekwador għas-Slovenja.
Fi stqarrija mid-Dwana ngħad kif il-merkanzija kienet tikkonsisti f’1,080 kaxxa tal-banana li magħhom kien hemm 740 pakkett ta’ sustanza bajda moħbija f’37 kaxxa.
Il-każ issa jinsab f’idejn il-Pulizija Maltija bil-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qiegħda tmexxi l-inkjesta.
Id-Dwana Maltija ilha għal dawn l-aħħar tliet snin konsekuttivi tikser ir-rekord ta’ qbid ta’ kokaina. Dan wara li fl-2019 inqabdu 750kg fi 13-il qabda separata u fl-2020 inqabdu 612 kilogramma f’qabda waħda.