Wara jumejn u żewġ iljieli ta’ proċess rigoruz mill-Anti-Drug Squad u s-Sezzjoni tal-Forensika, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, flimkien mal-uffiċjali tad-Dwana, kmieni dalgħodu ntemmet l-operazzjoni fuq l-erba’ kontejners miżmuma fil-Freeport, b’konnessjoni mal-qabda ta’ droga.
Id-Dipartiment tad-Dwana issa huwa f’pożizzjoni li jikkonferma li l-qabda ta’ droga kienet tammonta għal 10,729.40 kilogramm ta’ raża tal-kannabis li, fis-suq, iġġib prezz ta’ madwar €28.5 miljun.Fil-proċess infetħu l-erba’ kontejners li kien hemm suspett fuqhom, wara li fuq tnejn minnhom l-apparat tal-iscanning indika ċar inkonsistenza fil-kontenut.
· L-ewwel kontejner li nfetaħ, li kien dikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel li suppost kienu mimlija bid-deterġent inħarġu 28,436 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,687.20 kilogramm.
· Mit-tieni kontjener li nfetaħ, li wkoll kien iddikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel inħarġu 25,211 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,042.20 kilogramm.
Dawn iż-żewġ kontejner kienu dawk li l-immaġni tal-iscanner indikat fihom possibilta’ kbira ta’ droga, biex, b’hekk, minn eżami fiżiku ġie kkonfermat is-suspett li indika l-iscanner.
· It-tielet kontejner , li l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien ukoll dikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, infetaħ ukoll u ġie eżaminat barmil, barmil. Fih ma rriżulta l-ebda sejba ta’ droga.
· Ir-raba’ kontejner, li wkoll l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien dikjarat li kien qed iġorr lampi tal-welding (blow torches), infetaħ ukoll, pero ma rriżulta l-ebda sejba ta’ droga.
· B’hekk, il-qabda totali kienet ta’ 10,729.40 kilogramm ta’ raża tal-kannabis, bi prezz fis-suq ta’ madwar €28.5 miljun.
Fl-aħħarnett, id-Dipartiment tad-Dwana, pubblikament, wera l-apprezzament tiegħu u ringrazzja wkoll lill-Kummissjoni Ewropeja, inkuż l-OLAF, fi ħdan il-Kummissjoni, li permezz tal-programmi tagħha ġew kofinanzjati x-xiri taz-ZBV Backscatter scanner, in-Nuctech scanner u l-apparat sofistikat analitiku, imħaddem mill-Customs Intelligence Service, u t-twaqqif tat-Taqsima l-ġdida tal-Klieb, fi ħdan it-Taqsima tal-Infurzar. Dawn l-għodod qegħdin tabilħaqq ikunu ta’ siwi kbir fil-miri ġodda li qed jimmira għalihom id-Dipartiment tad-Dwana f’Malta.