Waqt xogħlijiet li kienu qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar instab qabar Puniku li jmur lura għall-elfejn sena.
Fi stqarrija l-Korporazzjoni qalet li l-qabar kien għadu ssiġilat u wara li nfetaħ instabu numru ta’ urni bi fdalijiet ta’ għadam uman ikkremat ġo fihom.
Mill-għadam li nstab s’issa jidher li hawnhekk kienet indifnet persuna adulta kif ukoll tifel jew tifla żgħira fl-età.
Instabu wkoll anfora, żewġ urni, lampa taż-żejt, flixkun tal-fwieħa tal-ħġieġ u reċipjenti oħra tal-fuħħar tipiċi tal-perjodu Puniku.
Ġie spjegat ukoll li fi żmien il-perjodu Puniku u dak Ruman ir-rit kien jinbidel.
L-iġsma ġieli kienu jiġu kremati u drabi oħra jindifnu sħaħ tul il-qabar.
Intqal ukoll li l-kremazzjoni kienet titlob diversi riżorsi bħal injam biex jinħaraq il-ġisem u bżonn ta’ persuna li toqgħod mal-post minħabba li l-proċess biex jinħaraq il-ġisem kien jieħu diversi sigħat.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kompliet tfisser li bħalissa, il-materjal qed jinħareġ mill-qabar u jittieħed fil-laboratorju fejn isir proċess ta’ konsolidazzjoni, tindif u analiżi fuq il-fuħħar u l-għadam li nstab.
Hija tenniet li bħalissa qed twettaq xogħlijiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta biex ikun hemm iżjed katusi tad-drenaġġ f’żoni li preżentmenet qed jagħmlu użu minn fosos iżda minħabba s-sensittività arkeoloġika taż-żona konċernata, is-Sovratendenza talbet li jkun hemm arkeologu mat-tim li qed iwettaq ix-xogħlijiet f’każ li jinstabu xi fdalijiet antiki.
Għaldaqstant, il-Korporazzjoni fasslet pjan alternattiv biex jitkompla x-xogħol filwaqt li jiġi preservat il-qabar li nstab.