Eluf ta’ persuni għażlu li jiċċelebraw is-sena l-ġdida bi spettaklu mill-isbaħ li għal sena oħra kien offrut fil-Belt Valletta. Spettaklu li ta’ kull sena jiġbed eluf ta’ persuni ta’ kull età.
Il-brijju tul il-lejl ma naqasx bi Pjazza San Ġorġ tieħu l-ħajja grazzi għal mużika u artisti li taw spettaklu kemm qabel u kif ukoll wara l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta.
B’proġezzjoni diġitali, b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, għal sena oħra dawwlet il-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru fi Pjazza San Ġorġ b’karattri u storja gustuża li poġġiet tbissima fuq fomm kull min kien preżenti.
Il-proġezzjoni ntemm b’countdown mill-isbaħ animat fuq l-istess faċċata fejn ġew immarkati l-aħħar sekondi tas-sena 2016.
Iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali, li minbarra laqgħu s-sena l-ġdida, immarkaw ukoll il-mument li pajjiżna ħa f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Din is-sena ħadu sehem Daniel Cauchi, Ozzy Lino u l-Big Band Brothers bil-parteċipazzjoni ta’ Marit Kesa fejn għal ewwel darba, għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, kien hemm ukoll il-finalisti tal-X factor tal-2015, Reggie u Bollie. Dan ukoll flimkien ma’ DJ Mykill u t-Trumplet li għalqu l-lejla b’spettaklu eċċezzjonali.
Ritratti: Facebook: Jason Micallef / Instagram
Ritratt ewlieni: @Simonelucc