Ilbieraħ filgħaxija, bosta attendew għat-tieni edizzjoni ta’ Lejla fil-Park, li saret fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Din l-attività saret mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, b’kollaborazzjoni ma’ Project Green u WasteServ bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet relatati mal-Ġimgħa Ewropea Għall-Iżvilupp Sostenibbli 2023.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli żaret din l-attività u tenniet li l-għan ta’ attivitajiet bħal dawn huwa li jinħolqu attivitajiet għal kulħadd biex jitkompla jitwassal il-kunċett tas-sostenibbiltà lin-nies.
Il-programm kien wieħed varjat, u dawk preżenti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ukoll ma’ għaqdiet sportivi u rappreżentanti mid-Direttorat għal Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, fost oħrajn.
Kien hemm ukoll esebizzjonijiet ta’ ħiliet sportivi, sessjoni ta’ fitness, logħob għat-tfal, crafts u attivitajiet sportivi u wirja mill-banda tal-iScouts ta’ Ħaż-Żabbar u Assoċjazzjoni Tama Tnabar.