B’investiment ta’ miljun ewro, il-Gvern qed jagħmel xogħlijiet infrastrutturali u ta’ tisbiħ fis-sala tal-irġiel fl-isptar Monte Carmeli. B’din is-sala li kienet mitluqa kompletament fl-Isptar Monte Carmeli qed tiġi rranġata u mgħammra biex tilqa’ 23 pazjent maskili. Ix-xogħlijiet jinkludu fost oħrajn xogħol infrastrutturali fuq is-soqfa, sistemi tad-dawl u tal-ilma. Xogħlijiet li ġew xprunati mill-Fondazzjoni Marigold, li miċ-ċokon tagħha investiet mill-fondi tagħha biex fost oħrajn isir xogħol ta’ tisbiħ f’din is-sala. Iżda minħabba l-kobor tas-sala u x-xogħlijiet infrastrutturali li kien hemm bżonn li jsiru, daħal għal dan l-investiment il-Gvern Ċentrali li qed jagħmel ukoll xogħlijiet fi swali oħra tal-isptar.
Il-Ministru tas-saħħa Chris Fearne spjega kif l-isptar Monte Carmeli tħalla fi stat ta’ abbandun għal snin twal, bis-swali mhux biss għandhom bżonn xogħlijiet ta’ tisbiħ iżda ukoll xogħlijiet infrastrutturali. Dan għaliex fost oħrajn is-sistemi tal-ilma u tad-dawl għadhom antiki u għalhekk jeħtieġ li jinbidlu f’sistemi moderni biex il-pazjent jgħix f’ambjent aktar komdu.
Bħalissa fis-sala hemm sittax u tletin ħaddiem fuq bażi full-time li għaddejjin bix-xogħlijiet bl-għan li x-xogħol jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Min-naħa tagħha c-Chairman tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li bl-investiment tal-Gvern, dan l-isptar qed jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u li flimkien max-xogħlijiet li qed tagħmel il-Fondazzjoni se jkunu qed jagħmlu dan l-isptar wieħed aktar adegwat għall-pazjenti.
Hija temmet tgħid li minn dan l-investiment mhux biss se jkunu qed igawdu l-pazjenti iżda ukoll il-ħaddiema tal-isptar li se jkunu qed jaħdmu fi sptar aktar attrezzat u f’kundizzjonijiet aqwa.