B’investiment ta’ €61,000 ġie rinovat l-outdoor gym f’Ta’ Qali, li kmieni kull filgħodu jintuża minn bosta. Dan l-aħħar investiment ra fost oħrajn magni ġodda jiġu introdotti, li jistgħu jintużaw ukoll min persuni b’diżabilità.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima sostna li dan huwa investiment fis-saħħa tal-poplu Malti u għalhekk għaddejjin taħditiet sabiex in-numru ta’ gyms simili jiżdiedu f’diversi komunitajiet.
Huwa stqarr: “Qegħdin nitkellmu wkoll ma’ numru ta’ Kunsili Lokali madwar il-pajjiż sabiex ikollna iktar inizjattivi simili, inizjattivi li permezz tagħhom ikollna aktar attività fiżika anke fost il-komunitajiet Maltin u Għawdxin kollha.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil sostna li r-rinovar sar bil-ħsieb li jħajjar lil persuni ta’ kull età sabiex jagħmlu użu minnu anke permezz tal-isport li jintlagħab f’timijiet.
Spjega kif b’investimenti bħal dawn, SportMalta qed timmira li tbiddel il-mentalità u l-kultura tal-Maltin marbuta mal-eżerċizzju.
Is-Sur Busuttil sostna: “Waħda mill-missjonijiet ta’ SportMalta hija li nċaqalqu l-poplu u l-pajjiż, jiġifieri li nħajru lil kulħadd li fir-rutina tiegħu, ikollu forma ta’ eżerċizzju fiżiku. Il-mentalità f’Malta mhijiex bħalma hi barra minn Malta. Meta żewġ ħbieb jiltaqgħu isaqsu: “Inti tagħmel sport?” Imma barra minn Malta l-mentalità differenti u rridu nersqu għall-mentalità li meta niltaqgħu nistaqsu “Int xi sport tagħmel?” biex indaħħlu l-isport bħala parti mir-rutina ta’ kull persuna speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ.”