Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol ta’ rinovar fl-iskola sekondarja tal-Gvern fiż-Żejtun, b’investiment totali li jlaħħaq il-ħames miljun ewro.
Permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn elfejn u ħames mitt metru kwadru, se jkunu qed jiżdiedu 13-il klassi, tmien laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, żewġ klassijiet għas-suġġett tal-home economics, u klassijiet għall-Inġinerija u d-Disinn.
Il-Kap tal-iskola, Anna Spiteri Meilak, espremiet li dan ix-xogħol se jkun qed itejjeb l-ambjent tal-iskola li mis-sena d-dieħla se jkun qed tilqa’ madwar tmien mija u tletin student.
“Naturalment dawn il-faċilitajiet ġodda se jagħtu valur importanti lil din l-iskola u se jagħtu lil dawn l-istudenti tagħna skola moderna li tixraqilna u li tixraq lit-tfal tagħna”
Intant waqt xogħol ta’ skavar instabu fdalijiet ta’ barriera antika waqt sorvelljanza minn arkeologi mqabbda mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dawn il-fdalijiet possibilment jiffurmaw parti mill-kumpless ta’ Villa Rumana li kienet instabet fil-viċin fis-snin sittin.
“Waqt li konna qed nagħmlu x-xogħlijiet taħt parti minnu nstabet barriera u ttieħdet id-deċiżjoni li din il-barriera tiġu skavata u integrata bħala parti mid-disinn tal-librerija”
Waqt żjara fuq lant tax-xogħol il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici seta’ jara l-progress li sar filwaqt li sostna li l-Gvern huwa kommess li jtejjeb l-esperjenza edukattiva tal-istudenti.
“Is-settur edukattiv huwa s-settur dwar il-futur, dwar fejn irridu nieħdu ‘l pajjiżna, u fejn jidħlu uliedna rridu nagħtuhom l-aħjar biex ikollhom l-aħjar futur. Dan l-investiment qed jgħin biex l-esperjenza edukattiva tkun waħda li tilqa’ għal aktar u aktar aspirazzjonijiet ta’ aktar u aktar studenti”