Fil-qalba ta’ San Ġiljan, tħabbar investiment estensiv ta’ ħames miljun u ħames mitt elf ewro għar-riġenerazzjoni tal-Ġnien Spinola u ta’ Triq Paceville, li permezz ta’ dan l-investiment se ssir żona pedonali.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi stqarr kif l-aħħar attentat ta’ riġenerazzjoni ta’ din iż-żona kienet fl-elfejn u tmienja, iżda issa verament wasal iż-żmien ta’ bidla li jixraq lil din il-lokalità.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr kif il-proġett huwa l-ewwel pass sabiex San Ġiljan ma jibqax biss ċentru ta’ divertiment, iżda jingħata lura lir-residenti.
Sostna wkoll li se jkun qed jissaħħaħ il-prodott turistiku, hekk kif se jiġi enfasizzat Palazzo Spinola li jinsab fil-pjazza stess.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Irridu naraw li din iż-żona toħroġ fid-deheb tiegħu is-sabiħ ta’ Palazzo Spinola, fl-istess waqt, Triq Paceville nkunu qed nagħtu aċċess pedonali assolut lil dawk kollha li jżuruh sabiex b’hekk din tkun pjazza aċċessibbli għal kulħadd u tkompli tgħin sabiex ngħollu kemm il-kwalità tal-għajxien tal-Maltin u Għawdxin u anke l-livell tal-prodott turistiku tagħna.”
Dan il-proġett mistenni jitlesta fl-elfejn erbgħa u għoxrin.