Il-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Aġenzija għall-Agrikoltura u l-Pagamenti Rurali l-ARPA ħarġu skema biex bdiewa żgħażagħ jiksbu l-esperjenza meħtieġa permezz ta’ tagħlim prattiku minn bdiewa tal-esperjenza.
Dan se jsir b’żewġ sejħiet ta’ €428,000, biex il-bdiewa żgħażagħ ta’ anqas minn 41 sena jingħataw pagament fix-xahar biex iwettqu l-programm. Il-bdiewa ta’ esperjenza se jingħataw kumpens ukoll.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-Aġenzija ħarġet sejħa għall-bdiewa stabbiliti li jixtiequ jipparteċipaw. Bl-istess mod, bdiewa żgħażagħ interessati setgħu japplikaw biex juru l-interess tagħhom fl-iskema.
L-applikazzjoni taħt din l-iskema trid tiġi sottomettessa b’mod konġunt bejn il-bidwi żagħżugħ u dak ospitanti sal-31 ta’ Mejju 2021, kif spejga d-Direttur tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura fl-MCAST, Malcolm Borg.
Huwa stqarr: “Il-wirt intanġibbli, l-għarfien li għandhom il-bdiewa, li ilu jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra issa se jkun jista’ jiġi akkreditat u rikonoxxut. Hija skema li naħseb hija importanti ħafna fuq livell nazzjonali u għas-settur inġenerali.”
Wieħed mill-bdiewa ta’ esperjenza ddeskriva din l-iskema bħala waħda favorevoli u pożittiva.
Pawlu Camilleri qal, “Nappella u nħeġġeġ bdiewa żgħażagħ li jridu jidħlu fix-xogħol biex ma jaqtgħux qalbhom mill-isfidi kbar li joffri, imma jidħlu għaliha. Din l-iskema li ħabbar il-Gvern hija favorevoli ħafna.”
Il-Ministru Anton Refalo qal li dan kollu se jgħin biex ġenerazzjonijiet futuri fil-qasam ikollhom l-għarfien kif jikkumbattu ċertu sfidi.
Huwa sostna: “Il-ġenerazzjoni futura ta’ bdiewa jkunu jistgħu jaffrotnaw l-isfidi. Dan hu l-iskop tal-iskema tal-lum biex bdiewa żgħar jitgħallmu mingħand bdiewa kbar taħt iċ-ċentru tal-MCAST u nkunu nistgħu nagħmlu bdiewa li jaffrontaw ruħhom għall-isfidi tal-ġejjieni.”
Kull informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.arpa.gov.mt. L-iskema qed issir ukoll grazzi għal kollaborazzjoni mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST.