Il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar proġett ta’ restawr u rinovazzjoni fuq iz-zuntier u l-faċċata tal-Knisja tan-Naxxar, proprju lejliet il-festa ta’ Marija Bambina.
Ix-xogħol se jara t-twaħħil ta’ dawl adegwat mal-kampnari u l-koppla, u restawr taz-zuntier preżenti.
L-investiment li jlaħħaq l-erba’ mitt elf ewro se jagħti nifs ġdid lill-qalba tan-Naxxar, anki bil-għan li jattira aktar turiżmu reliġjuż.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Arċipriet David Gauci spjega kif b’kollaborazzjoni mal-Ministeru, se jingħata ġieħ lil knisja mogħnija bl-istorja.
Huwa qal, “Nifhem ngħid il-proġett ambizzjuż illi l-Gvern ċentrali għandu permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu illi ndawlu b’mod kif jixraq lill-kolleġġjata tagħna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo stqarr kif in-Naxxar għandu l-potenzjal li jkun mutur ekonomiku fiċ-ċentru tal-pajjiż.
Huwa stqarr: “In-Naxxar kapaċi jkun mutur ekonomiku turistiku fil-qalba ta’ pajjiżna u għalhekk irridu naraw illi nkomplu ninvestu fih sabiex b’hekk in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż tkun waħda minn dawk in-niċeċ partikolari li fuqha nibnu turiżmu sostenibbli għas-snin li ġejjin.”
Dan huwa parti mill-isforz tal-Gvern li jattira tipi differenti ta’ turiżmu permezz ta’ investimenti madwar il-pajjiż kollu.