B’investiment ta’ €4 miljun se jsir l-akbar park għall-familji fin-nofsinhar ta’ pajjiżna, fiż-żona ta’ Bengħajsa, f’Birżebbuġa.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Sostennibiltà Miriam Dalli u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Dan il-park ġdid, li se jinfetaħ fis-sena elfejn tlieta u għoxrin se jsirfuq medda ta’ art ta’ 60,000 metru kwadru.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif fuq dan il-proġett diġà tħawlu ammont ta’ siġar indeġeni, bil-proġett ta’ afforestazzjoni li għaddej minn Parks Malta qed isir f’din iż-żona.
Intqal kif dan il-proġett se jkollu faċilitajiet għall-familja kollha, hekk kif se jkollu wkoll camping area u picnic area.
Qalet, “Ser naraw li nkomplu nħawlu aktar siġar biex inkomplu bl-afforestazzjoni. Però fl-istess waqt qegħdin naraw li nkunu qegħdin nagħmlu parks għall-familji bit-tfal, areas għall-adulti. Irridu li jkollna l-aspett edukattiv u allura se nkunu qegħdin naraw li parti wara l-oħra nkunu qegħdin inwasslu dan il-proġett sas-sena 2023.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo qal kif dan il-park se jkun investiment għan-nies permezz ta’ pulmun aħdar.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll kif wara li jkun lest dan il-proġett se tibqa’ tingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex il-park jibqa’ jinżamm fl-aqwa tiegħu.
Qal ukoll kif dan il-proġett se jkun qed jitgawda wkoll mit-turisti.
Qal, “Ser ikun qiegħed jgħin kemm lill-familji Maltin u Għawdxin, billi nagħtu pulmun f’din iż-żona tal-pajjiż u anke billi nattiraw turisti lejn din iż-żona sabiex b’hekk l-andament ekonomiku hawnhekk ikun wieħed li jgawdu minnu wkoll il-familji u n-negozji ta’ din iż-żona.”