L-għaqda volontarja ‘Embrace Diversity’ fetħet dar ġdida f’Baħar iċ-Ċagħaq għal tfal b’diżabilità, b’investiment ta’ mitejn elf ewro.
L-organizzazzjoni qed titmexxa minn ġenituri ta’ tfal b’diżabilità u se toffri diversi servizzi lil madwar tletin familja.
Il-President tal-għaqda, Claudette Curmi qalet li l-għan hu li jkomplu jingħataw servizzi ta’ għajnuna lill-familji ta’ tfal b’diżabilità.
Hija qalet, “Nixtiequ li nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna, qegħdin ngħinu bħalissa madwar tletin familja, għamilna investiment ta’ madwar mitejn elf hawnhekk u nixtiequ li nibqgħu għaddejjin b’dan is-servizz biex inkomplu nkunu ta’ għajnuna għal dawn it-tfal biex ikomplu jintegraw fil-komunità.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli nnutat kif dan it-tip ta’ investiment fis-settur tal-persuni b’diżabilità mill-privat juri impenn kollettiv għal żieda fl-għarfien u servizzi offruti.
Hija stqarret: “Dan huwa investiment li qed isir mis-settur privat fejn qed naraw NGO partikolari qeda tinvesti aktar minn mitejn elf ewro tul il-pandemija. Issa din id-dar li infetħet f’Lulju li għadda qed tilqa’ numru ta’ tfal b’diżabilità hawnhekk.”