Matul l-2020 se jitwettaq proġett ta’ riġenerazzjoni f’46 blokka ta’ housing soċjali fil-lokalitajiet tas-Siġġiewi, Bormla, Rabat, Santa Luċija, Ħal Qormi, iż-Żejtun u San Ġiljan. Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li spjega li minn dan l-investiment ta’ €2.6 miljun se jibbenefikaw 500 familja.
“Il-proġett ta’ bini ta’ housing soċjali ġdid ma jkunx jagħmel sens jekk bħala gvern ma niħdux ħsieb l-oqsma tad-djar eżistenti. Dan mhux biss għax huma assi tal-pajjiż iżda għax qabel kollox huma s-saqaf ta’ aktar minn ħamest elef familja. B’dan l-investiment ma nqisux bħala wieħed fil-bini nnifsu iżda investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna,” tenna l-Ministru Roderick Galdes.
Dan il-proġett se jsegwi proġetti oħrajn ta’ riġenerazzjoni li skont il-Ministru Galdes reġgħu ngħataw il-ħajja fl-2013.
“Dan il-gvern għandu ruħ soċjali u hu għalhekk li sa mill-2013 assigura li jsir investiment fir-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binjiet. Fil-fatt, fis-sena 2019 wettaqna proġett ta’ riġenerazzjoni fuq total ta’ 77 blokka b’investiment li laħħaq l-€4 miljuni. Proġett li mhux biss wassal biex il-familji li jgħixu f’dawn il-blokok qed jgħixu f’ambjent aktar sigur u f’ambjent isbaħ iżda ta ukoll nifs ġdid liż-żona tal-madwar,” qal il-ministru.
Ix-xogħlijiet li se jsiru matul din is-sena jinkludu waterproofing tal-bjut, rinovar tal-opramorti, titjib ġenerali fil-partijiet komuni u rinnovar tal-faċċati u tal-gallariji. Xogħlijiet li se jkunu qed isiru mill-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Housing, Maintenance and Embellishment Ltd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay irrimarka li dawn il-proġetti qed isiru paralleli ma’ ħidma aktar wiesgħa li qed twettaq l-Awtorità.
“Il-ħidma tal-Awtorità f’dik li hi manutenzjoni ma tiqafx mar-riġenerazzjoni tal-binjiet ta’ housing soċjali hekk kif parallel magħha qed titwettaq ħidma oħra b’investiment sinifikanti. Fosthom ix-xogħlijiet ta’ tiswija f’appartamenti ta’ housing soċjali wara li jkun sar rapport mill-inkwilin, fil-fatt matul is-sena l-oħra saru 1,010 tiswija b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljuni. Proġett ieħor hu dak b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali li jinkludi xogħlijiet fil-partijiet komuni, bl-investiment fuq dawn ix-xogħlijiet fl-2019 kien ta’ ftit anqas minn €400,000 li għamel id-differenza fil-ħajja ta’ 400 familja oħra. Dawn huma biss ftit mix-xogħlijiet li qed inwettqu bl-għan ewlieni tagħna li nkomplu ntejbu l-ambjent li fih jgħixu l-familji tagħna.”
Ikkonkluda billi tenna l-impenn tal-Awtorità tad-Djar li l-bżonnijiet tal-familji se jibqgħu fiċ-ċentru ta’ kull ħidma li ssir f’dan is-settur.