Il-lista ta’ stennija għal dawk li għandhom bżonn MRI se tkompli tonqos. Dan bis-saħħa ta’ magna ġdida tal-MRI li waslet u diġà bdiet tintrama fl-Isptar Mater Dei.
Din il-magna l-ġdida tal-aħħar teknoloġija nxtra b’investiment ta’żewġ miljuni u tlett mitt elef ewro.
Fost il-pazjenti li se jgawdu minn dan il-proġett hemm il-pazjenti morda bil-marda kiefra tal-kanċer.
Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa, Chris Fearne qal ma’ ONE NEWS li permezz ta’ dan l-iscanner, l-għadd ta’ MRIs fl-isptar se jiżdiedu bi kważi nofs dak li jsir illum.
“Id-domanda dejjem tiżdied. Is-sena l-oħra kien hemm ħamsa u għoxrin elf MRI, jiġifieri minn tmint elef tal-elfejn u tnax żidna għall-ħamsa u għoxrin elf. It-talba dejjem qed tiżdied u qed nassumu li se nżiedu u qed nassumu li se nilħqu t-tletin elf, u sena d-dieħla ħamsa u tletin elf MRI. Dan ifisser li l-waiting list se tibqa’ tiżdied. Huwa għalhekk li l-Gvern investa aktar minn żewġ miljuni, fil-fatt żewġ miljuni punt tliet miljun ewro, sabiex inkunu nistgħu jkollna t-tielet magna tal-MRI. ”
Bħalissa l-użu taż-żewġ magni tal-MRI qegħdin jaħdmu tnejn u għoxrin siegħa kuljum biex ilaħħqu mad-domanda.
One news jinsab informat li aktar minn mitejn scan qegħdin isiru wara d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija.
L-MRI huwa test li juża raġġi biex jagħti stampa dettaljata ta’ x’hemm fil-bniedem. Dan l-iscanner huwa partikolarment bżonnjuż biex juri wkoll il-bidu ta’ kankru fil-ġisem tal-bniedem.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li bħalissa għaddejjin l-arranġamenti meħtieġa biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda jintuża dan l-appart il-ġdid.
“Naturalment iridu jgħaddu ftit ġimgħat biex tkun installata. Qed nagħmlu sub-station ġdida għaliex tinvolvi ħafna enerġija u wara li tkun ikkunsmata inkunu nistgħu nżidu t-tielet magna biex nkomplu nagħtu servizz lill-Maltin u lill-Għawdxin.”