B’investiment ta’ €162,000, tnieda proġett pilota għal servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn fiż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, li qalet li l-proġett għandu l-għan sabiex inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ f’din iż-żona.
Is-servizz se jibda jingħata mill-erbgħa ta’ Lulju, fejn żewġ karozzi tal-linja se joperaw bejn il-Ħamis u l-Ħadd mill-10:00 ta’ filgħodu sa’ nofsillejl tul is-sajf. Dawn se jkunu qed jgħaddu kull għoxrin minuta b’rotta li tinkludi wkoll il-pjazez taż-Żurrieq u tal-Qrendi.
Fiż-żona ta’ San Niklaw fil-limiti tas-Siġġiewi, inħolqot żona ta’ parkeġġ sabiex wieħed iħalli l-karozza tiegħu hemm.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet: “Aħna rridu nagħmlu ċert li l-esperjenza ta’ dak it-turist li se jżur ż-żoni turistiċi tagħna jkollu esperjenza smooth u mingħajr xkiel, u allura dan is-servizz ċertament illi se jkompli jtejjeb l-esperjenza tat-turist li jiġi jżurna.”
Din l-inizjattiva ntlagħqet ħafna mis-sidien tar-ristoranti fl-inħawi hekk kif ġieli tilfu klijenti għaliex ma jkunux sabu parkeġġ.
Alfio Cutajar, li hu sid ta’ ristorant stqarr: “Inizjattiva tajba żġur għax issa li hawn in-nies, ikollna problema ta’ parking u b’hekk nitilfu ħafna xogħol għax jerġu jitilqu ‘l fuq. Din l-inizjattiva hija pożittiva għax nistgħu nerbħu aktar klijenti hu.”
Din l-inzjattiva ntlagħqet ukoll mis-sindki taż-Żurrieq u l-Qrendi.