B’investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro tħabbret skema sabiex in-negozji jkollhom inċentiv sabiex jinvestu f’apparat li jnaqqas il-konsum tal-enerġija permezz t’użu t’enerġija rinovabbli.
Din l-iskema, li se ddum sal-aħħar tas-sena elfejn tnejn u għoxrin, b’budget annwali ta’ ħames miljun ewro, tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia.
Huma spjegaw kif in-negozji jistgħu japplikaw online fuq is-sit tal-Malta Enterprise, jekk ikollhom proġetti b’minimu t’għaxart’elef ewro.
Permezz ta’ dawn il-proġetti, in-negozji żgħar se jkunu qed jibbenefikaw minn għajnuna ta’ ħamsin fil-mija, negozji medji se jibbenefikaw minn għajnuna ta’ erbgħin fil-mija, filwaqt li kumpaniji kbar se jibbenifikaw minn għajnuna ta’ tletin fil-mija.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal kif din l-għajnuna hija lil hinn mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika. Qal kif din l-għajnuna qed tħares lejn il-futur tan-negozji Maltin, sabiex wara li tgħaddi din l-imxija n-negozji jkunu aktar b’saħħithom.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ikompli jassisti, ħalli jkun hemm minn dan l-investiment sabiex wara l-pandemija jkollna pajjiż, iktar investiment dak li ngħidulu green investment u aktar allura ħa nilħqu l-miri ambjentali tagħna bħala pajjiż.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia qal kif in-negozji madwar il-pajjiż jużaw terz tal-enerġija. Hu spjega li din l-iskema se twassal għall-protezzjoni ambjentali għaliex se jkun hemm inqas tniġġis u aktar effiċjenza.
“Irridu nassiguraw li jkun hemm security of supply ġewwa pajjiżna, imma fl-istess ħin l-użu jkun mhux biss effiċjenti biex jużaw inqas enerġija. Imma jibqgħu f’idejn in-negozji, f’idejn il-manifattura ħalli huma stess ikomplu jinvestu f’apparat ieħor, fi proġetti oħrajn u anke joħolqu l-impjiegi.” Saħaq il-Ministru Farrugia.