Impjant ġdid tat-tonn, b’investiment ta’ 12-il miljun ewro qed jara li fdalijiet ta’ tonn tip BluFin li qabel kien jintrema fil-baħar, issa qed jiġi pproċessat f’materjal li jista’ jintuża għall-ikel tal-annimali.
Dan l-impjant f’Ħal Far, huwa l-uniku tal-għamla tiegħu madwar id-dinja kollha,
Fil-fatt, 25 fil-mija tal-fdalijiet li kienu qed jiġu mgħormija qed jerġgħu jiddaħħlu lura fil-katina tal-ikel u jsiru żejt tal-ħut flimkien ma’ materjal nutrijenti b’livell għoli ta’ Omega tlieta, sitta u disgħa.
L-impjant beda jopera f’Ottubru li għadda u sa issa diġa ġew prodotti 500 tunnellata ta’ laħam tal-ħut u 600 tunnellata ta’ żejt tal-ħuta.
B’dan l-impjant se jkunu qed jiġi frankati 3000 tunnellata ta’ materjal milli jiġi mormi fil-baħar.
Ma’ dan l-istazzjon, tkellimna mal-Kap tal-Operat, Jonathan Zammit, fejn spjegalna l-proċess twil li jiġu t-tonn biex isir f’dawn iż-żewġ prodotti tal-ogħla kwalità.
“Il-materjal li qed jiddaħħal frisk wara l-qatla, jindaħan, jgħaddi għall-proċess tat-tisjijra fejn wara li jiġi msajjar jiġi maqsum f’żejt, ilma u solids. Iż-żejt imur mil-ewwel biex jiġi ppakkjat, l-ilma jkompli jissajjar biex iġġibu dak li huwa, jiżdied mas-solidi fejn ikompli jissajjar u minn hemmekk għandna l-prodott tal-fish meal lest.”
Dan l-impjant għadda minn proċess rigoruż ta’ skrutinju li involva 16-il spezzjoni mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA u kiseb ukoll il-permessi magħrufa bħala l-IPPC, wieħed mill-ogħla permessi ambjentali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aquaculture Resources Limited, Charlon Gouder, spjega li dan l-impjant għandu prospetti kbar fejn jidħlu l-prodotti tal-ikel tal-annimali u għad irid jiġi esplorat użu aktar estensiv tiegħu aktar ’il quddiem. Dan sabiex tiżdied il-kapaċità tal-istess impjant.
“Dan huwa s-sabiħ tal-ekonomija ċirkulari fejn mill-fdalijiet li sa issa kienu qegħdin jintremew, effetivament qegħdin nipproduċu prodott, prodott li sa issa pproduċjena 500 tunnellata ta’ fish meal u 600 tunnellata ta’ fish oil li huma lkoll prodotti ta’ kwalità biex għada pitgħada jitħaltu ma’ materjal ieħor u għall-ewwel darba il-marka Maltija, isem Malta jkun jista’ jidħol fi prodott bħal pet food industry li bħalissa dan it-tip ta’ prodott għadu ma ġiex esplorat.”