F’Marsaxlokk se tkun qed issir pixxina tal-ogħla livell b’investiment ta’ ‘l fuq minn żewġ miljun u nofs ewro.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li ntqal kif dan il-proġett se jkollu faċilitajiet mill-aqwa, fosthom pixxina b’ilma msaħħan, gym, fitness centre u anke klinika għar-residenti tal-lokal.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, il-Ministru Clayton Bartolo qal kif dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ il-potenzjal turistiku fin-Nofsinhar ta’ Malta. Qal kif minn dan il-proġett se jkunu qed igawdu minnu kemm il-Maltin u anke t-turisti li jżuru pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo qal, “L-għan tagħna huwa li l-isport kien fuq quddiem nett fl-aġenda tagħna, anke fl-aspett turistiku u għaldaqstant dan huwa impenn ċar ta’ Gvern sabiex b’hekk inkomplu ngħinu anke din l-akwata tal-pajjiż.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi saħaq kif huwa importanit li l-industrija tat-turiżmu titieħed fil-kuntest wiesa’ tas-soċjetà inġenerali. Qal ukoll kif dan il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti u inizjattivi oħra għar-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Marsaxlokk Aquatic Sports Club, Victor Fenech qal kif din kienet ħolma tax-Xlukkajri li issa se ssir realtà.
Fenech stqarr: “Hija xi ħaġa li dejjem xtaqna li jkollna pixxina msaħħna għall-klabb li huwa msemmi bħala waterpolo. Ovvjament dan imur iktar minn hekk għax il-klabb tagħna ħa jkun qed joffri sports diversi fejn jidħol l-għawm, eżempju u sports ieħor. U ħa jkun klabb state of the art b’gym, bi clinic u sports bħal ma qed ngħidu ieħor akwatiku.”