Missier ta’ 49 sena u bintu ta’ 16-il sena huma l-aħħar żewġ pazjenti li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus f’Malta biex b’hekk telgħu għal ħamsa l-pazjenti f’Malta milquta b’din l-influwenza.
Il-missier u l-bint waslu f’Malta mill-ajruport ta’ Treviso għall-btala f’Alto Adige fl-Italja fit-tlieta u għoxrin ta’ Frar. Huma waslu lura Malta fis-sebgħa u għoxrin ta’ Frar. L-ewwel sintomi żviluppahom fil-5 ta’ Marzu.
Ir-raġel li mhuwhiex Taljan – għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin it-Tnejn. Minnufih saret swab li nħadmet fil-laboratorju fejn irriżulta fil-pożittiv għall-COVID-19. Bintu rriżultat ukoll pożittiva waqt li l-omm irriżutat fin-negattiv.
Huma jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Għalkemm ma qagħdux kwarantina mill-ewwel, l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li la marru xogħol u lanqas skola, anki fil-jiem li ma qagħdux kwarantina.
Il-Prof. Gauci stqarret: “Tajjeb ngħidu li mill-informazzjoni li għandna, meta kien bis-sintomi, hu kien qiegħed diġà ġewwa u la hu u lanqas il-partner tiegħu ma marru xogħol, u t-tifla ma marritx skola, jiġifieri waqt il-ħin li l-persuna kien bis-sintomi, ir-riskju huwa ħafna inqas li tinfirex lil ħaddieħor.”
Ġew identifikati wkoll żewġ persuni li kellhom kuntatt miegħu u ġew ordnati jagħmlu kwarantina mandatorja.
Il-Prof. Gauci tenniet: “Dawn iż-żewġ persuni aħna identifikajniehom bl-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-pazjent stess u dawn jinsabu tajbin, m’għandhom l-ebda sintomi, però għamilnielhom kwarantina mandatorja għaliex dawn huma close contacts u qegħdin insegwuhom ħalli naraw jekk matul iż-żmien ta’ 14-il ġurnata minn meta kellhom l-aħħar kuntatt, jiżviluppawx is-sintomi.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Gauci spjegat li sa issa saru 265 test fuq nies li kellhom sintomi ta’ deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs, jew kienu f’postijiet fejn hemm aktar riskju ta’ trażmissjoni, u 369 swab ieħor fuq nies oħra li wkoll ħarġu negattivi.
Qalet li qed issir evalwazzjoni tal-aktar pajjiżi f’riskju barra minn Malta u ħabbret li ma’ din il-lista żdiedu r-reġjuni ta’ Marche u Toscana fl-Italja.