Missieri kien “il-ħaruf tas-sagrifiċċju” u tħalla waħdu waqt li ġie aggredit vjolentement fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun, fil-marċ tal-festa nhar il-Ħadd li għadda. Hekk iddikjarat, b’kitba fuq Facebook, Mariah Mifsud Bonnici, bint Noel Mifsud Bonnici, li spiċċa jiġi operat l-Isptar wara li ġie aggredit minn grupp ta’ partitarji Nazzjonalisti u sofra diversi ġrieħi.
Mifsud Bonnici indirizzat lil missierha bħala l-“ħaruf sulu, għax li kieku ma kontx b’saħħtek min jaf x’kien jiġri minnek”.
Hawnhekk hi kienet qed tirreferi għall-fatt li missierha, waqt li kien qed jakkumpanja lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, imbagħad tħalla waħdu fil-ħin tal-aggressjoni. Din seħħet eżatt wara li Noel daħal fil-Każin Nazzjonalista biex jargumenta ma’ Manuel Attard, li jmexxi l-bar tal-każin, u persuni oħrajn li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew.
B’riżultat inħolqot il-kommossjoni sħiħa, fejn Noel Mifsud Bonnici beda jiġi offendut mill-barman u grupp ta’ persuni, li s’issa għadhom mhux identifikati, bdew isawtuh b’mod selvaġġ.
F’dan il-ħin, il-Kap Nazzjonalista ddeċieda li jitlaq minn fuq il-post u waqt li ħalla lill-partitarju tiegħu jaqla’ d-daqqiet, qasam għan-naħa l-oħra tat-triq biex jippoża man-nies għar-ritratti u, minflok, jitla’ fil-gallarija tal-Każin tal-Banda San Ġużepp biex joqgħod ixejjer lill-folla tiċċelebra l-festa.
Mariah Mifsud Bonnici kompliet tikteb li lil missierha mhux talli tefgħuh fin-nassa, b’referenza għal dak li sofra, iżda mbagħad ħadd ma kien kapaċi jiddefendih, inkluż il-Kap Nazzjonalista.
Mill-Ħadd ’l hawn, la Bernard Grech u lanqas il-Partit Nazzjonalista ma lissen kelma dwar dan, inkluża l-midja tagħhom.
Fil-kitba fuq Facebook, Mariah Mifsud Bonnici rringrazzjat lil dawk kollha li bagħtu jistaqsuha dwar is-saħħa ta’ missierha, waqt li qalet li issa qed jirkupra bil-mod wara operazzjoni maġġuri li kellu jagħmel minħabba qtugħ ta’ legaments li sofra f’siequ l-leminija.
Hi ddikjarat ukoll li ma tridx taf iżjed bil-Partit Nazzjonalista wara dak li ġara nhar Il-Ħadd li għadda.
Sadanittant, fuq l-istess post tkellmet ukoll il-mara ta’ Noel Mifsud Bonnici li qalet li kien hemm min ipprova jgħid li din l-aggressjoni mhux veru seħħet u anke qal li kienet fake news. Saħqet li se tiftaħ każi l-Qorti minħabba din il-malafama fil-konfront tagħha u ta’ żewġha.
Minn informazzjoni, li għandu ONE News, bosta Nazzjonalisti tennew fi gruppi ristretti fuq Facebook li dak li ġara l-Ħadd kien biss gidba u saħansitra li mart il-vittma nxtrat biex tigdeb.
Il-fatti juru li din ma kienet gidba xejn, bil-midja lokali kollha tirrapporta l-każ, ħlief għall-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Ħamis, ONE News żvela li dan is-sede tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun jitmexxa minn ċertu Manwel Attard, kanvasser tal-Eks Viċi Kap u Deputat Nazzjonalista, Mario de Marco, li wkoll serva bħala xufier miegħu meta dan kien Ministru fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Nhar il-Ħadd stess, dakinhar tal-ġlieda, De Marco wkoll ippoża għal ritratt mal-istess Attard quddiem id-daħla tal-istess każin.
Kien ONE News li, nhar it-Tnejn, irrapporta b’mod esklussiv din il-ġlieda vjolenti. Fi grupp magħluq ta’ partitarji Nazzjonalisti fuq Facebook, mart il-vittma spjegat dak li ġara u rrimarkat li l-persuna, li “bħalissa għandu dan il-każin f’idejh”, beda joffendi lir-raġel tagħha u wara ġie aggredit minn numru ta’ persuni.
Dan l-attakk qajjem furur sħiħ fost partitarji Nazzjonalisti u kompla jikxef il-firda, li baqgħet tiddomina bejn il-fazzjonijiet differenti li jeżistu fil-PN.