F’ittra lill-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, Irina Virganskaya-Gorbacheva, it-tifla tal-eks President tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev qalet li laqtitha l-ittra ta’ kondoljanzi tal-Prim Ministru Malti.
L-eks President tal-Unjoni Sovjetika miet fit-30 ta’ Awwissu fl-età ta’ 91 sena.
Fl-ittra tagħha, it-tifla ta’ Mikhail Gorbachev qalet li rċeviet ħafna ittri ta’ kondoljanzi wara l-mewt ta’ missierha, imma l-ittra tal-Prim Ministru Malti għandha post speċjali.
Hija qalet lill-Prim Ministru Malti li missierha kien jaqsam il-memorji magħha dwar is-summit f’Malta bejnu u bejn il-President Amerikan, George Bush, f’Diċembru tal-elf disa’ mija u disgħa u tmenin (1989), li mmarka t-tmiem tal-Gwerra Bierda.
Hija qalet li missierha feraħ li għadda messaġġ lill-poplu Malti, fit-30 anniversarju minn din il-laqgħa għolja f’pajjiżna.
Gorbacheva nnutat kif il-Gvern u l-poplu Malti għadu jfakkar din il-ġrajja storika.
Fl-ittra, hija qalet li tittama li l-messaġġ tal-paċi, li ħareġ minn dak is-summit, jibqa’ jitwassal anki llum, minkejja ż-żminijiet ta’ sfidi li qed taffaċċja d-dinja.