Daħal fis-seħħ l-avviż legali biex jibda jingħata l-inċentiv fiskali għar-riġenerazzjoni ta’ proprjetajiet vakanti li jinsabu f’żona ta’ konservazzjoni urbana.
Dan hekk kif imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif din l-iskema tapplika għal bini li jinsab fi tliet żoni partikolari fil-qalba tar-raħal.
Qal, “Ħabbarna dawn il-linji gwida li għandhom jiggwidaw issa l-mod ta’ kif qed nagħtu l-inċentivi fi tliet żoni partikolari fil-qalba tar-raħal, qed nitkellmu dwar dak il-bini li huwa vakant u ilu vakant għal ħafna snin, kif ukoll bini b’disinn arkitettoniku Malti. Dawn qegħdin fil-kuntest tal-pjan tagħna għall-iżvilupp sostenibbli u l-pjan tagħna għall-iżvilupp intelliġenti.”
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega kif din l-inizjattiva se tgħin biex issir riġenerazzjoni tal-bliet u l-irħula tagħna, permezz ta’ investiment u għajnuna fiskali qawwija.
Spjega, “Il-ħlas li ħa jiġi eżentat mit-taxxa tal-boll ser ikun fuq prezz massimu ta’ €750,000 li huwa ammont konsiderevoli ħafna imma apparti minn hekk ukoll qed ngħidu li min ser ikun qed jirranġa dawn il-binjiet ser jiffranka sa massimu ta’ €54,000 VAT. Apparti minn hekk dawk illi jkunu first-time buyers jekk jixtru proprjetà li taqa’ taħt dawn it-tliet klassifikazzjonijiet ukoll ser ikunu qed jingħataw €15,000 f’każ li l-proprjetà qiegħda hawn Malta kif ukoll €30,000 meta l-proprjetà tkun f’Għawdex.”
Il-Perit André Pizzuto, li huwa l-President tal-Kamra tal-Periti li qed tgħin fl-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, saħaq kif din l-inizjattiva hija opportunità tad-deheb biex issir qabża ta’ kwalità fid-dehra tal-bini.
Din l-iskema hija biss l-ewwel pass, hekk kif is-sena d-dieħla pajjiżna mistenni jkollu politika dwar l-estetika tal-bini.