Proprjetà fix-Xatt ta’ Lascaris, fil-Belt Valletta, ġiet trasferita mill-Gvern lill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Dan wara li ġie ffirmat kuntratt bejn l-Awtorità tal-Artijiet u din l-istess għaqda biex l-binja tibda sservi bħala s-sede ċentrali tagħha.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tħares l-interessi tal-għaqdiet u s-soċjetajiet mużikali kollha, fejn torganizza wkoll sezzjonijiet ta’ taħriġ ta’ livell għoli għall-istudenti tal-mużika. Għaldaqstant, dan l-aħħar żvilupp hu meqjus bħala investiment ieħor qawwi favur il-kultura u t-tradizzjonijiet lokali, bħal dak tal-festi li ġie rikonoxxut bħala Wirt Intanġibbli mill-UNESCO.
Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda, wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ tal-Gvern biex intlaħaq dan il-ftehim u spjega kif dan hu mument memorabbli fl-istorja tal-għaqda fejn issa se tibda taħdem fuq il-proġett biex il-binja tkun rinnovata u tibda sservi għall-iskop tagħha.
“Hi okkażjoni ferm speċjali għall-Għaqda Każini tal-Banda li sar iffirmar ta’ dan il-kuntratt biex ingħatat din il-binja. Il-ħsieb tagħna hu li din inbiddluha f’ċentru ta’ tagħlim tal-mużika, imma wkoll ta’ preżentazzjoni lill-membri tagħna kif ukoll biex l-għaqda tagħna tkompli tikber u ssaħħaħ.”
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif dan il-ftehim juri l-impenn ta’ dan il-Gvern biex ikompli jgħin lis-soċjetajiet mużikali fil-ħidma volontarja tagħhom fil-komunitajiet lokali.
Stqarr li s-sostenn tal-Gvern biex immexxu l-kultura bandistika ’l quddiem se jibqa’ għaddej u se jkompli jkun ta’ għajnuna biex titħares il-festa Maltija.
“Proprjetà li se tgħaddi lil din l-għaqda biex tkun tista’ tagħmel ċentru ħalli tkompli ssaħħaħ il-ħidma li tagħmel matul is-snin.”