Fil-preżenza ta’ mart u iben il-mibki Silvio Parnis, Dorianne u Jacob, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, żar lill-familji fil-binja ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, li hi msemmija għall-mibki Silvio Parnis.
Dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €13-il miljun, iħaddan fih 84 appartament, u garaxx b’126 spazju għall-karozzi.
Waqt din iż-żjara, il-familji li jgħixu f’din il-binja, tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom u qalu li dan il-proġett soċjali għamel differenza kbira f’ħajjithom, billi għolla l-kwalità ta’ ħajja tagħhom billi offrilhom dinjità lill-familji tagħhom.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li dawn l-esperjenzi juru l-importanza ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li l-Gvern dejjem jagħti lill-poplu.
Hu semma li l-proġett bħal ma huwa dak tal-Binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi, qed joffri saqaf sigur lill-familji, u fl-istess waqt jinħolqu aktar residenzi dinjitużi li jkomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
“Illum rajna wkoll 84 appartament, flimkien ma’ madwar 126 parking space u garaxx li hawn f’din iż-żona. B’hekk mhux biss tajna dinjità, kif ukoll din il-binja soċjali issemmiet għal wieħed mill-aktar politiċi li ħadem ħafna f’dawn l-aħħar snin għall-qasam soċjali, il-mibki Silvio Parnis, fejn flimkien mal-mara u t-tifel tiegħu rnexxilna naraw mhux biss binja kompluta u proġett ieħor soċjali monument ta’ dan il-Gvern.”
Ħadna kumment lil iben l-eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, Jacob u tlabnih jgħidilna xi jfisser għall-familtu, li din il-binja ssemmiet għall-missieru.
“Din il-binja għal missieri Silvio Parnis, ta’ kemm ħadem għall-pajjiż, kemm ta, kemm ħabb il-pajjiż u għamel minn kollox biex jara t-tbissima fuq wiċċ il-persuna, fil-bniedem.”