Fil-Belt Valletta, preċiżament fi Triq San Kristofru, wieħed isib binja li hija rikka b’valur storiku kbir.
Qed nirreferu għal dik li kulħadd jafha bħala l-biċċerija l-antika, li llum il-ġurnata għaddej restawr fuqha biex fi ftit xhur oħra tinfetaħ bħala Valletta Design Cluster.
Binja li fil-passat kienet f’xifer li tintilef darba għal dejjem, hekk kif kien hemm proposta li titwaqqa’ u jinbnew flokha għadd ta’ appartamenti.
One News tkellem mal-Perit Ruben Abela, li fl-1997 għamel it-teżi tiegħu fuq kif l-aħjar ikun imħares ir-rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta, bil-biċċerija l-antika tintuża bħala case-study.
Spjega kif “Ftit snin qabel il-Valletta Rehabilitation Project dak iż-żmien kienet immexxija mis-Sur Ray Bondin bħala l-koordinatur kienu fil-fatt opponew u rnexxilhom iwaqqfu proġett li kien se jsir dak iż-żmien tal-housing biex din il-binja proprja titwaqqa’ għaliex kienet meqjusa bħala kerrejja titwaqqa’. Fil-fatt anke r-residenti u l-fran li kien hemm fiha kienu tbattlu u r-residenti ġew evakwati, biex titwaqqa’ u ssir blokka appartamenti u jkomplu mal-blokok tal-appartamenti li hemm fl-inħawi tad-Due Balli.”
L-istess Bondin kien ikkummisjona studju permezz tal-perit mibki Michael Ellul, għax kien maħsub li dil-binja kellha rabta mal-komunita Lhudija fil-Belt Valletta.
Abela qal li “Fil-fatt il-bieb li hemm eżatt faċċata tal-biċċerija huwa magħruf bħala l-bieb tal-Lhud. U fil-fattt mir-riċerka li saret seta’ kien hemm konnotazzjonijiet mal-komunità Lhudija għaliex il-bieb tal-Lhud kien jintuża mill-iskjavi għax dak iż-żmien fi żmien l-ordni kienu meqjusa bħala skjavi, biex ikunu jistgħu joħorġu jistadu fuq il-baħar.”
Is-Sur Abela spjega kif il-binja nbniet biex isservi bħala mħażen lura fl-1658 mill-Gran Mastru Lascaris, biex fl-istess sena, inbidel l-iskop tagħha.
Hu qal li “Fl-istess sena kien ħareġ ordni biex dan il-maħżen, kellek erbgħa fuq kull naħa, jintużaw bħala biċċerija. Pero għal xi raġuni dawn baqgħu biss jintużaw għal żmien ta’ għaxar snin bħala biċċerija. Għaliex imbagħad għaxar snin wara dawn it-tmien imħażen inqasmu fin-nofs u saru sittax-il maħżen u bdew jinkrew biex l-introjtu minnhom jissewwew il-galleri tal-ordni.”
Dwar il-proġett tal-Valletta Design Cluster, is-Sur Abela qal li filwaqt li diġa hija xi ħaġa pożittiva li l-binja ġiet salvata, huwa importanti ħafna li nstabilha użu wkoll, u b’hekk se tkun ħajja bl-attività.