B’investiment ta’ madwar mija u tnejn u tletin elf ewro, wasal fi tmiemu xogħol ta’ restawr estensiv fuq binja fi Triq ir-Repubblika fil-Belt, li f’seba’ xhur ingħatat ħajja mill-ġdid u se tagħti dinjità lill-familji fil-bżonn.
Dan il-proġett kien jinkludi restawr estensiv, fosthom dak strutturali u servizzi tad-dawl u l-ilma.
Apparti dan, il-binja hija ta’ valur storiku u għaldaqstant kienet tirrikjedi xogħol estensiv fuq il-faċċata u l-gallariji, b’sinerġija sħiħa mas-Supretendent tal-Wirt Kulturali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li tieħu ħsieb ix-xogħlijiet, spjega kif il-fatt li l-binja tinsab fil-kapitali Maltija, ġab miegħu bosta sfidi.
Qal li “l-ewwel trid titlaq mill-isfida loġistika li għandek biex taħdem il-Belt li minnha nnifisha trid taħdem waqt li ma ttellifx l-andament tax-xogħol u n-negozju fil-Belt. Sfida oħra kienet il-karattru tal-binja li jrid jiġi rispettat. Hawnhekk ikkollaborajna mas-Supreintendenza tal-Wirt Kulturali biex ix-xogħol li nagħmlu aħna jkun dejjem in line mat-tip ta’ bini li hawn il-Belt u l-infrastruttura tal-area tal-madwar.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-Gvern għandu l-obbligu morali li mhux biss jippreserva binjiet b’valur storiku imma li jagħti saqaf fuq ras min m’għandux.
“Dawn il-binjiet kienu ilhom għexieren ta’ snin abbandunati, mitluqa, u kienu jeħtieġu restawr estensiv u allura l-fatt li jinsabu fil-Belt Valletta, il-fatt li qegħdin itejbu l-ambjent tal-madwar u konna qed nirriskjaw li nitilfu binjiet bħal dawn darba għal dejjem, ħassejna l-ħtieġa li nsibu l-investiment neċessarju biex mhux biss ngħinu fir-riġenerazzjoni urbana imma wkoll nakkomodaw numru ta’ familji” saħaq il-Ministru Galdes.
Bħalissa għaddej xogħol fuq seba’ proġetti oħra li mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sena, flimkien ma’ tmienja u għoxrin dar li se jkunu restawrati tul it-tliet snin li ġejjin.