Qabad ritmu tajjeb ix-xogħol fuq il-bini tal-istitut il-ġdid tal-Inġinerija u t-Trasport fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Wara li tlesta x-xogħol ta’ skavar fuq in-naħa ta’ wara tal-kulleġġ, f’Lulju li għadda beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-binja li se tilqa’ fiha aktar minn erba’ mitt student li bħala jinsabu fin-Naxxar.
L-inġinier tal-proġett, Jesmond Zammit qal ma’ One News li x-xogħol fuq dan il-proġett b’investiment ta’ sitt miljun ewro hu ppjanat li jitlesta eżatt mal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
Qal li l-istitut il-ġdid ser jinkorpora fih sitt sulari ta’ klassijiet u laboratorji speċjalizzati għal suġġetti bħal kostruzzjoni, ir-robotika u l-inġinerija mekkanika li fil-maġġoranza tagħhom iwasslu sa livell ta’ baċellerat.Zammit spjega kif “Bażikament dan il-proġett huwa parti mil-institute tal-inġinerija u t-trasport. Il-ħsieb li jitlesta huwa għal ottubru tas-sena 2018. Ħa jiġi rilokat l-institute li hemm in-naxxar. Bażikament hawn il-proġett jikkomprendi f’ 2 sulari laboratorji u workshops u erba sulari li huma klassijiet u uffiċji li ser joffru l-istudenti ir-riżorsi kollha li ser ikollom bżonn biex ikomplu l-istudji tagħhom.
Il-binja ta’ sitt sulari tinkorpora fiha ġibjun li jesa kważi 2 miljun litru ta’ ilma tax-xita li ser jintuża biex jissupplixxi l-provvista tal-ilma kollu għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti fil-kampus ta’ Kordin.
L-inġinier Zammit stqarr li waqt l-ippjanar ta’ din il-binja, ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex il-binja taħdem b’riżorsi naturali u sostenibbli.
Zammit qal li “It-teknoloġija li qed tintuża ovjament hija teknoloġija li tissalvagwardja l-ambjent bħala materjali, bħala sistemi ta heating u cooling, kemm juża enerġija iġifieri hija binja moderna.”
Din il-binja hija parti minn investiment ta’ 32 miljun ewro minn fondi ewropej li ser iwassal biex l-kampus tal-MCAST jinbidel f’villaġġ edukattiv li jinkorpora fih total ta’ ħames istituti u ċentru tar-riżorsi għall-studenti kollha.