B’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far se tinbena binja ġdida għall-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.
F’dan il-bini fuq erba’ sulari u b’medda ta’ ħames mitt metru kwadru, ser jinżammu l-assi li joriġinaw mill-kriminalità, fosthom dehbijiet, xogħol tal-arti, dgħajjes, kif ukoll trailers u vetturi, fost oħrajn, f’ambjent apposta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, li qal ukoll kif l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi ngħata qafas legal iżjed b’saħħtu wara li għadda mill-proċess parlamentari.
Saħaq li dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil ta’ flus.
Qal kif, “Din il-faċilità se jkun qed tgħin fl-intraċċar, fil-konservar tal-assi u fil-bejgħ b’suċċess biex inkunu favur iċ-ċittadini tagħna, favur il-Gvern u l-istat Malti. Ċertament dan huwa xhieda ċara li mhux biss qed nagħmlu rekord ta’ liġijiet fil-ġlieda tagħna tal-ħasil tal-flus, kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, però wkoll il-Gvern qed jinvesti fis-sod bi proġett ta’ €2.5 miljun illi nittammaw li jkun lest fit-tliet snin li ġejjin.”
Il-perit responsabbli minn dan il-proġett, Mariello Spiteri qal li ser jieħu ħsieb l-affarijiet li jiġu sekwestrati waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti.
Huwa qal ukoll kif din il-binja se tkun mgħammra b’sigurtà stretta.