Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li l-proġett ta’ dar għall-anzjani ta’ San Ġużepp f’Għawdex ġie aġġorant biex jiżdiedu s-servizzi għal firxa iktar wiesgħa ta’ bżonnijiet. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Caruana fissret kif il-Ministeru aġġorna l-pjanti u kiseb il-permessi meħtieġa biex isiru tibdiliet fil-proġett oriġinali biex issa ġiet ukoll inkluża blokka addizzjonali ddedikata għall-każijiet ta’ dimensja.
Justyne Carauna spjegat li l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jindirizza l-isfida tal-anzjanità f’Għawdex u hu konxju sew li r-rata ta’ dimensja qed tiżdied. Għalhekk saru emendi biex id-dar tkun totalment dementia friendly, inkluż bi provvista ta’ sodod kemm għal serivizzi residenzjali kif ukoll ta’ respite.
Il-proġett tad-dar tal-anzjani kien proġett li kien beda fil-leġiżlatura li għaddiet u issa, wara li ġew aġġornati l-pjanti, il-bini mistenni jkun lest fi żmien tliet xhur oħra. Bħalissa qed jiġi finalizzat it-tender għat-tkomplija u t-tmexxija tad-dar.
Il-Ministru Caruana fakkret kif il-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex għandu mira ambizzjuża fil-manifest elettorali għal 500 sodda ġdida għall-anzjani f’Għawdex. Din il-wegħda issa se titwettaq permezz ukoll ta’ din il-blokka ġdida flimkien ma’ xiri ta’ sodod, li beda jsir mingħand il-privat.