Għaddejjin l-aħħar xogħlijiet biex titlesta l-binja l-ġdida għall-fakultà tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fil-kampus tal-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, b’faċilitajiet mill-aktar avvanzati.
B’hekk permezz ta’ dan l-investiment ta’ erbatax-il miljun ewro, l-istudenti se jgawdu minn faċilitajiet ġodda u moderni fis-sena akkademika l-ġdida. Il-binja tinkludi tmienja u ħamsin spazju ta’ tagħlim, inklużi laboratorji u kmamar tal-lectures, tlettax-il uffiċċju u spazju multipurpose ta’ ħames mitt metru kwadru.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar il-pjan ħolistiku tal-MCAST f’dik li hi infrastruttura u qal li l-iżvilupp tal-kampus tal-MCAST hu investiment dirett mhux biss fl-edukazzjoni, imma fl-istudenti u l-ħaddiema futuri tal-pajjiż.
“Din hi xi ħaġa li hi meqjusa bħala għodda avvanzata ħafna u se tkun qed tintuża mill-edukaturi tant dedikati li hawn fl-MCAST, imma fuq kollox se tkun tista’ titgawda mill-istudenti tal-istess istitut”.
Din il-binja għandha wkoll għadd ta’ miżuri ta’ sostenibilità, mis-sistemi tal-infrastruttura, l-ammont ta’ dawl li jidħol fil-binja u l-insular fuq il-bjut u fil-faċċati.
Bħalissa ’l fuq minn elf student qed isegwu korsijiet marbutin mad-dinja tal-informatika fl-MCAST, li joffri diversi programmi minn livell bażiku għal-livell ta’ Diploma, Baċellerat u Masters. Dawn il-programmi ta’ studju huma maħsubu biex iħejju lill-istudent għad-dinja tax-xogħol b’opportunitajiet ta’ prattika u ta’ apprendistat għal karrieri li dejjem qed isiru aktar kruċjali fl-ekonomija diġitali.
Din il-binja l-ġdida hi parti mill-isforzi tal-MCAST biex jistabbilixxi ruħu bħala ċentru internazzjonali ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
“Kif nafu l-popolazzjoni tal-istudenti qed tikber minn sena għall-oħra. Il-Gvern qed joffrilna aktar spazji li aħna rridu nutilizzawhom b’mod għaqli. Aħna nistgħu naħseb din il-binja nutilizzawha wkoll għal avvenimenti oħrajn li l-Kulleġġ, permezz tal-ispazju, jista’ jikber aktar. Aħna kunfidenti li dan l-iżvilupp se jtejjeb ħafna l-kundizzjonijiet tal-għalliema u tal-istudenti tagħna f’ambjent modern, avantgarde, fejn it-tagħlim ovvjament se jsir ħafna aħjar milli kien isir qabel.”
Dan il-proġett hu parti minn investiment akbar ta’ kważi tlieta u tletin miljun ewro, li b’kollox inkluda l-ħolqien ta’ tliet binjiet separati għal fakultajiet distinti.
Dan il-proġett hu parti minn investiment akbar ta’ kważi tlieta u tletin miljun ewro, li b’kollox inkluda l-ħolqien ta’ tliet binjiet separati għal fakultajiet distinti.