Ġie ffirmat ftehim bejn l-aġenzija Sapport u l-Awtorità tal-Artijiet biex isir it-trasferiment ta’ ‘Villa Alcazar’, fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema, biex fiha jibdew jiġu pprovduti servizzi ta’ matul il-jum lil żgħażagħ b’diżabilità.
Permezz ta’ din il-proprjetà, Aġenzija Sapport se tkun f’pożizzjoni li twessa’ l-operat tagħha biex tilħaq aktar persuni b’diżabilità, bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet moderni u aċċessibbli.
Fil-fatt, il-binja se tiġi rrestawrata u addattata apposta biex toffri ambjent komdu u sigur.
Għall-iffirmar tat-trasferiment kien hemm preżenti l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, u l-Ministru għall-Artijiet u għall-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru Farrugia fissret kif dan il-pass jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex joffri soluzzjonijiet speċjalizzati għaż-żgħażagħ b’diżabilità fejn, permezz ta’ faċilitajiet addattati, se jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
“Irridu naraw li persuni b’diżabilità li huma żgħażagħ, ikollhom postijiet għaddati għalihom meta jispiċċaw l-iskola imma wkoll li noffru spazju li huwa ta’ kwalità tajba lil persuni b’diżabilità li huma anzjani wkoll. ”
Il-Ministru Julia Farrugia
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li, permezz ta’ din l-inizjattiva, minbarra l-iskop soċjali, se jintlaħaq l-għan l-ieħor li binja storika tkun salvata permezz tar-restawr estensiv li se jsirilha.
“Naħseb dan il-pass tal-lum, huwa bidu ta’ proġett interessanti, li bħalu inkunu qegħdin naraw oħrajn permezz ta’ identifikazzjoni ta’ binjiet oħrajn bħal dawn li nagħtuhom ħajja ġdida.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
‘Villa Alcazar’, skedata fi Grad 1 u mibnija fl-1870 taħt il-ħakma Ingliża, hi storikament prezzjuża u xhieda tal-arkitettura arabeska f’Malta.
Il-villa tinkludi żewġ garaxxijiet, ġnien u żewġ sulari bi kmamar, li kollha jgħinu biex jagħtu karattru uniku u sinifikattiv lil din il-proprjetà.