Se jiġi rrestawrat Ċentru Santu Rokku fil-Belt Valleta li fih jilqa’ ċ-ċentru taż-żgħażagħ Teen Klabb, sabiex b’investiment ta’ €347,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar dan iċ-ċentru jsir aktar modern u aċċessibli.
Dan iċ-ċentru, li jservi ta’ gwida soċjali, spiritwali u edukattiva għal diversi żgħażagħ li jgħixu fil-Belt Valletta u ż-żoni tal-madwar, qed jgħin ħafna żgħażagħ biex iħossuhom siguri u anke jimmaturaw.
Clifton Grech li huwa voluntier qal li: “B’dan l-investiment ukoll qed tkun xi ħaġa sabiħa li kif il-missjoni qed tikber il-proġett jieħu r-ruħ u jisbieħ u nisperaw li jkun hawn frott fiż-żgħażagħ tal-Belt u l-madwar u jesperjenzaw post fejn ikunu jistgħu jħossuhom safe u fl-istess ħin ikollhom opportunità in a safe environmnet fejn ikunu jistgħu u jimmaturaw.”
Dan il-post kellu bżonn restawr estensiv fis-saqaf, fil-btieħi kif ukoll instalazzjoni ta’ lift.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Aaron Farrugia qal kif la darba din il-binja tiġi rrestawrata se tipprovdi spazju biex iż-żgħażagħ Maltin irawmu l-ħiliet meħtieġa.
“Il-PA qed tkompli taħdem fil-qasam soċjali, fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Huwa target tagħna bħala Ministeru kif ukoll PA illi ngħinu lill-komunità Maltija tikber u timraħ fil-qasam soċjali wkoll.”
Din il-binja li hi propjetà tal-Knisja, apparti li tagħti sevizz lill-komunità għandha wkoll valur storiku li għandu jiġi protett.
Min-naħa tiegħu iċ-Chairperson għall-Fondi għall-Iżvilupp tal-Ippjana, Vincent Cassar qal li permezz tal-intervent u l-investiment tal-Awtorità tal-Ippjanar mhux biss qed jiġi rranġat bini b’ħafna karatteristiċi arkitettoniċi imma wkoll qed tingħata ħajja ġdida lil dan il-bini biex jipprovdi servizzi lill-komunità.