L-aġenzija Sapport ħabbret investiment ġdid f’servizz ta’ tranżizzjoni speċjalizzat għal żgħażagħ b’diżabilità intellettwali u diffikultajiet ta’ saħħa mentali minn binja fil-Balluta.
Il-proġett se jgħin lil dawn iż-żgħażagħ jimxu minn ambjent kliniku għal wieħed komunitarju, fejn ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi neċessarji u jersqu eqreb lejn ħajja indipendenti.
Din il-ħidma hi parti mill-implimentazzjoni ta’ miżura mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, b’impenn biex jitwasslu aktar servizzi ġodda fil-komunità għal persuni b’diżabilità b’kollaborazzjoni mal-istess benefiċċjarji tas-servizzi kif ukoll professjonisti u entitajiet oħrajn li jaħdmu fis-settur.
Dan l-investiment tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Sapport, Oliver Scicluna, waqt żjara li għamlu waqt ix-xogħlijiet fuq il-binja.
B’investiment ta’ aktar minn €90,000 fir-ristrutturar tal-binja, ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Il-binja se tinkludi tlett ikmamar tas-sodda, kċina, bitħa u kmamar tal-banju, b’disinn li jippermetti ambjent komdu u addattat għall-bżonnijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ.
Fil-bidu, il-post, li jingħaqad ma’ kullana ta’ binijiet simili madwar il-pajjiż, mistenni jilqa’ sitt żgħażagħ b’diżabilità, li se jkollhom l-opportunità li jsegwu programm personalizzat bil-għan li jiksbu aktar ħiliet u jersqu pass eqreb lejn għajxien indipendenti fil-komunità.
Il-Ministru Farrugia fissret kif il-Gvern se jkompli jinvesti kemm hemm bżonn riżorsi fis-settur tad-diżabilità, biex persuni simili jimxu lejn ħajja lil hinn mill-istituzzjonijiet u b’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda.
“Din kienet wiegħda elettorali wkoll li rridu noħolqu proġetti biex persuni li għandhom problemi, sfidi ta’ saħħa mentali, imma wkoll b’diżabillità intellettwali jgħixu fil-komunità. F’din id-dar, għal perjodu ta’ tranżizzjoni, b’kollox se jkunu qegħdin joqogħdu fil-Balluta sitt persuni.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli,
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sapport spjega kif dan l-investiment se jagħmilha possibbli biex jiġi indirizzat bżonn ieħor fil-katina ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità.
“Apparti li għandna l-obbligu bħala stat li nimplimentaw il-konvenzjonijiet għal persuni b’diżabilità, però se nkunu qed naraw f’din il-proprjetà proġett vera interessanti li se jkun qed isir ma’ persuni, ma’ żgħażagħ, li għandom nuqqas intelletwali u problemi ta’ saħħa mentali biex jingħatalhom servizz speċjalizzat, li sal-lum il-ġurnata l-aġenzija Sapport għadha mhux qed tagħti f’dan il-qasam, biex naraw ovvjament li dawn il-persuni b’diżabilità mhux biss jilħqu l-affarijiet bażiċi, imma jilħqu wkoll l-aspirazzjonijiet tagħhom.”
Olicer Scicluna , Kap Eżekuttiv, Sapport