Binja ġdida qed tinbena apposta sabiex tibda tintuża bħala l-għassa ta’ Wied il-Għajn.
Fi żjara li għamel fuq is-sit, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri spjega kif is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħna hija fundamentali u għalhekk din il-binja hija parti minn investiment massiċċ fl-għasses fil-lokalitajiet.
Fil-fatt huwa spjega kif wara dan il-proġett u l-ftuħ ta’ għassa ġdida f’Marsalforn, imiss investiment fl-għassa tal-Marsa u dik tal-Ħamrun.
Spjega wkoll kif ser ikun hemm estensjoni tal-proġett tal-pulizija tal-komunità: “Għalina bħala Gvern is-sigurtà ta’ pajjiżna hija important ħafna u għaldaqstant l-investiment fis-sigurtà ta’ pajjiżna huwa sitt darbiet aktar minn dak li kien fl-2012 u bil-korp tal-pulizija dan huwa eżempju ċar fejn qed ninvestu għar-residenti ta’ Marsaskala u l-madwar.”
Il-Perit inkarigat mill-proġett, Robert Vella spjega kif il-binja hija mqassma apposta sabiex filwaqt li għandha post ta’ dħul sigur, fiha spazju fejn il-pulizija jaqdu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod. Dan filwaqt li l-għassa ser ikun fiha wkoll spazju għall-vetturi tal-pulizija.
Vella sostna: “Fuq naħa għandek faċilità li qed tmur għal ‘Community Policing’ u fuq in-naħa l-oħra għal xogħol tradizzjonali li jagħti l-korp. Barra minn hekk ovvjament il-binja hija attrezzata b’faċilitajiet li huma aċċessibbli għal kulħadd. U uffiċini fejn l-uffiċjali tal-Korp ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom u jindirizzaw problemi li jkunu personali fejn dak li jkun irid jagħmel kumment jew rapport iktar fil-privatezza ikun jista’ jiġi milqugħ f’dawn il-faċilitajiet.”
Intant, il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija Angelo Gafà nnota kif dan il-proġett huwa parti minn riforma li qed isir sabiex l-uffiċjali tal-korp ikunu iktar attrezzati sabiex iwettqu xogħolhom fil-komunità f’ambjent iżjed adegwat.