Fuq wara tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera għaddej ġmielu x-xogħol sabiex tinbena pixxina msaqqfa tal-ogħla livell.
Dan qed isir b’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro hekk kif dan il-proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
S’issa dan ix-xogħol inkluda t-twaqqigħ ta’ parti mill-binja li kien hemm qabel, filwaqt li din il-fażi tinkludi l-bini mill-ġdid tal-pixxina, uffiċini, dressing rooms u showers.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal kif dan il-proġett kien parti mill-Manifest Elettorali.
Huwa qal kif din il-pixxina hija l-ewwel waħda tax-xorti tagħha f’pajjiżna, hekk kif din il-pixxina ta’ livell Olimpiku se tkun imsaqqfa.
Qal, “Dan kollu jikkonferma kemm aħna rridu ninvestu fil-faċilitajiet sportivi tagħna. Propju biex nassiguraw illi l-atleti tagħna, li fuq kollox anke l-ambaxxaturi tagħna, ikollhom l-għodda neċessarji sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aqwa prestazzjoni tagħhom, f’diversi dixxiplini sportivi, kemm lokalment iżda fuq kollox anke internazzjonalment.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar qal li dan il-proġett huwa fost kullana ta’ proġetti li qed tieħu ħsieb Sport Malta.
Qal, “U din il-pixxina ħa tkun differenti minn oħrajn għax se tkun pixxina indoor u allura anke f’każijiet ta’ temp, ħadd ma jkollu forsi dik il-biża’ u dik l-iskuża li jibgħat lit-tfal biex jagħmlu t-taħriġ. Jien naħseb li pixxina kienet ħolma għal Malta fl-isport u hija ħolma wkoll għall-Kottonera, biex inkomplu ntejbu l-livell ta’ dan il-post.”
Din il-pixxina fil-Kottonera se jkollha daqs ta’ ħamest elef metru kwadru, b’tul ta’ erbgħa u erbgħin metru u fond t’aktar minn żewġ metri.