Permezz tal-inizjattiva ‘Proġett Għawdex- Toroq fil-Lokalità tiegħek’, ingħata bidu għall-bini mill-ġdid ta’ ħamsin triq, bosta minnhom residenzjali, f’għadd ta’ lokalitajiet Għawdxin.
Fi triq il-Ħamrija fix-Xewkija, fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet wieħed seta’ josserva x-xogħlijiet li qed isiru, fejn f’naħa tat-triq qed jingħata wiċċ ġdid u beda x-xogħol fuq il-bankini, filwaqt li iktar ’l isfel qed isir xi tħaffir u tibdil tas-servizzi
Hawnhekk il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li dan il-proġett se jġib kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Huwa xogħol li huwa ta’ road build up, jiġifieri qed nidħlu anke wkoll fuq il-kostruzzjoni propja tat-triq fejn qed nibdlu s-servizzi, qed nibdlu l-bankini u allura qed nerġgħu nibnu mill-ġdid l-infrastruttura ġewwa Għawdex. Ifisser li permezz ta’ dan il-proġett mhux biss se jkollna infrastruttura ta’ toroq tajba ġewwa Għawdex imma mmaniġġjar ta’ traffiku aħjar ifisser ukoll kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin u kull min ikun fuq din il-gżira,” spjegat il-Ministru.
Il-Ministru spjegat li t-toroq intgħażlu wara konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Spjegat kif diġà għaddej xogħol fuq toroq madwar Għawdex kollu u ġew ippubblikati tenders għal toroq fosthom Triq l-Imgħallem u Triq ta’ Wara s-Sur fil-Belt Victoria, u Triq iż-Żewwieqa fil-Qala.
Saħqet li l-Ministeru qiegħed jesiġi li jsir xogħol ta’ kwalità u b’rispett lejn il-żminijiet ta’ tlestija maqbula bejn in-nies tekniċi – biex jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti u lil kull min jagħmel użu mit-toroq.
Temmet li dan il-programm se jindirizza wkoll toroq arterjali, u qed jitħejja t-tieni ċiklu tiegħu fejn diġà qed jiġu identifikati xi toroq oħra, li jitħabbru iktar ’il quddiem.