Bin politiku prominenti fil-Partit Nazzjonalista bagħat ittra legali iebsa biex jitwaqqaf il-bejgħ tal-ktieb ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, ‘With All Due Respect’, li jitfa’ dawl fuq kif jaħdem l-establishment fil-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu li kiteb fuq il-Maltatoday, il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan żvela kif dan it-tifel ta’ politiku fil-Partit Nazzjonalista kiteb li l-ktieb għandu jinħareġ mis-suq għaliex skont hu, fil-ktieb intużaw karikaturi li l-kumpanija tal-istampar ta’ Balzan, m’għandhiex drittijiet fuqhom.
Madankollu Balzan kiteb li dan mhux minnu.
Il-karikaturi kienu saru minn Maurice Tanti Burlò u kienu parti minn kollezzjoni privata li Pullicino Orlando akkwistahom.
“Tħobbu jew tobgħodu, Pullicino Orlando jimxi b’korrettezza u huwa metikoluż, tant li qabel ippubblika l-karikaturi huwa ra l-kwistjoni tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni”, kiteb Balzan.
Balzan żied jgħid li jista’ jkun li l-familja Tanti Burlò ma kinitx taf li Pullicino Orlando xtara dawn il-karikaturi jew l-avukat naqas milli japprezza l-fatt li dawn il-karikaturi jispjegaw il-kontroversji politiċi li fuqhom kiteb Pullicino Orlando fl-aħħar snin tal-Gvern ta’ Gonzi.
Fil-ktieb tiegħu, Pullicino Orlando kiteb fost oħrajn dwar ir-referendum għad-divorzju u l-liġi li kien ressaq hu, it-taqlib politiku tal-Gvern ta’ GonziPN u anki l-involviment ta’ Richard Cachia Caruana fil-Partit Nazzjonalista u Gvernijiet Nazzjonalisti.
Pullicino Orlando kien sfiduċja lil Richard Cachia Caruana f’vot fil-Parlament f’Ġunju tal-2012.
Wara l-vot fil-Parlament Pullicino Orlando kien saħaq li l-ebda uffiċjal pubbliku m’għandu jħossu ogħla mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jiġifieri l-Parlament, istituzzjoni li fiha huma eletti r-rappreżentanti tal-poplu.
Dan id-diskors espona iżjed fuq l-ispag li kien jiġbed Cachia Caruana bħala l-establishment fil-Partit Nazzjonalista.
Intant Balzan kiteb li jissuspetta li wara din il-mossa li twaqqaf ktieb ma hemmx il-familja tal-karikaturista.
Saviour Balzan isemmi l-liġi tal-Islapp, li qed jintqal diskors dwarha u kif jiġu msiekta ġurnalisti u ċċensurati milli jiktbu u jgħidu tagħhom.
Quddiem dan kollu, Balzan qal li mhu jistenna l-ebda prima donna li tiftaħ ħalqha u tiddefendi l-kawża tiegħu li se jiġġieled bir-raġun.
Huwa staqsa liema tip ta’ libertà tal-espressjoni wħud iħaddnu li flok jistaqsu fuq kwistjoni ta’ drittijiet, minflok imorru għal talba estrema, dik li jiġi ċċensurat il-ktieb u li kwalunkwe bejjiegħ tal-kotba jneħħi l-ktieb.
Lil din l-azzjoni, sejħilha skuża banali u qarrieqa li probabli se tgħin biex il-ktieb fuq l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista jżid fil-popolarità tiegħu.