Kienet sena kkaraterrizata minn sfidi bla preċedent però b’ħidma konġunta pajjiżna ppreżenta ruħu bħala interlokutur tal-paċi.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, f’intervista mal-familja waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Malta f’diversi setturi fosthom fuq l-ekonomija.
Huwa qal li l-ekonomija b’saħħitha hija dik li tagħmel kwalità ta’ ħajja aħjar. Semma wkoll diversi l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li taw rati pożittivi għal pajjiżna.
Dr Abela tkellem kif f’din is-sena kien hawn ċelebrazzjoni ta’ mħabba wkoll fil-Europride.
Il-Prim Ministru semma bosta kisbiet internazzjonali bla preċedent fosthom bil-ħidma tad-diplomatiċi Maltin fil-Ġnus Maqgħuda. Tenna li l-Gvern dejjem kien konsistenti favur il-paċi. Din wasslet għal pawżi umanitarji mill-ġlied fil-Lvant Nofsani.
Huwa semma wkoll il-MED9 li tlaqqa’ għall-ewwel darba f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li xejn ma jsir kumbinazzjoni fil-politika internazzjonali u minkejja d-daqs żgħir ta’ pajjiżna, kien ta’ unur li Malta se tkun fil-Presidenza tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.
Intant, mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela tkellmet dwar is-sittax-il ġurnata t’attiviżmu biex jitqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika. Hija qalet li saru ħafna bidliet leġiżlattivi però f’dan is-settur qatt mhu biżżejjed.
Dr Lydia Abela spjegat li Gvern Laburista kien katalist għas-settur soċjali u huwa importanti ħafna li nkunu viċin in-nies u nkunu widen għal kulħadd.
Intant il-Prim Ministru tenna din is-sena il-Partit Laburista nieżel u tkellem fuq it-tħassib tan-nies. Huwa qal li l-ewwel deċiżjoni fundamentali biex tiġi kkontrollata ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kienet billi l-Gvern jerfa’ l-piż u ma jgħaddiehx lill-poplu.
Il-Prim Ministru tenna li kieku l-Partit Laburista sema’ mill-Partit Nazzjonalista kif is-suq internazzjonali jiddetta dak tas-suq lokali, kienu se jitilgħu b’mod raġjonevoli l-prezzijiet tal-enerġija u kien ikun hawn sitwazzjonijiet diffiċli ferm għall-Maltin u l-Għawdxin.
B’hekk Dr Robert Abela aċċenna għall-miżura li ssaħħet fil-Baġit għas-sena d-dieħla fejn fl-aħħar jiem 95,000 familja bdew jirċievu l-ewwel ħlas ta’ mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja.
Huwa tkellem ukoll fuq diversi miżuri li jħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies.
Il-Prim Ministru qal li d-distinzjoni fundamentali bejn iż-żewġ partiti hija fil-mod ta’ kif inħarsu lejn l-ekonomija u t-tqassim tal-ġid.
Dr Abela fakkar fl-investiment ta’ mitejn u ħamsin miljun ewro fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Irrimarka li investimenti bħal dawn joħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda lil kulħadd.
Dr Lydia Abela tkellmet dwar l-attiviżimu li jirrenja fil-Partit Laburista. Qalet li dan l-attiviżmu huwa importanti biex jitwassal il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-Partit.
Innota wkoll li s-sena li ġejja se tkun implimentata b’diversi investimenti fil-qasam infrastrutturali u edukattiv fost oħrajn.
Segwi l-intervista sħiħa: