Il-kantanta żagħżugħa Billie Eilish hija l-istilla tal-Grammys 2020, l-akbar unuri li artist mużikali jista’ jikseb. Eilish li għad għandha biss 18-il sena, rebħet ħames kategoriji tal-Grammys, inkluż l-aqwa kanzunetta għas-sena 2019 u l-aqwa artist ġdid.
L-album tagħha When We All Fall Asleep kien iddikkjarat l-album tas-sena, biex b’hekk Billie Eilish ħadet il-kuruna ta’ Taylor Swift bħala l-iżgħar artista li qatt rebħet din il-kategorija.
Il-Grammys ta’ din is-sena raw ir-ritorn ta’ artisti bħal Demi Lovato, li wara sentejn tat prestazzjoni mill-isbaħ ta’ kanzunetta li kitbet jiem biss qabel kapitlu trawmatiku minħabba l-abbuż tad-droga.
Il-kantanta Ariana Grande ukoll għamlet ħoss din is-sena b’medley tal-aqwa kanzunetti tagħha li ħarġet fl-aħħar snin.
Il-kanzunetta Old Town Road ta’ Billy Ray Cyrus u Lil Nas X ħadet l-unuri tal-aqwa dwett, filwaqt li Lizzo marret id-dar bil-kuruna tal-aqwa prestazzjoni tal-mużika R&B grazzi għall-kanzunetta Jerome.
Il-Grammys 2020 raw ukoll ir-ritorn tal-grupp Jonas Brothers wara nuqqas ta’ kważi deċenju minn din is-serata.
Tul is-serata spikkaw ukoll kummenti favur aktar ugwaljanza u għarfien dwar is-saħħa mentali u t-tibdil fil-klima. Inżammet minuta silenzju wkoll għall-istilla tal-basketball Kobe Bryant, li tilef ħajtu traġikament sigħat qabel iċ-ċerimonja meta ġġarraf il-ħelikopter li kien fuqu.