Se jibdew jitwaħħlu billboards fit-toroq li jkun qed isir xogħlijiet fihom biex jagħtu informazzjoni dwar sa meta dawn ikunu se jitlestew.
Dawn il-billboards se jagħtu ukoll informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalxiex ikun qed isir ix-xogħol, l-isem tal-entità li tkun qed tieħu ħsieb ix-xogħol, l-isem tal-kuntrattur, id-data ta’ meta beda x-xogħol u numru tat-telefown għal min irid aktar tagħrif.
Il-billboards se jittellgħu fit-toroq rispettivi, irrispettivament jekk hux xogħol ta’ Infrastructure Malta, il-Korporazzjoni tal-Ilma, l-Enemalta, xogħol pubbliku, servizzi ta’ telekomunikazzjoni u kunsilli lokali.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia qal lil ONE News li l-ħidma biex pajjiżna jkollu infrastruttura li tixraqlu kompla fl-aħħar xhur b’60 kilometru ta’ xogħlijiet fit-toroq, maqbula wkoll mal-kunsilli rispettivi.
Hawn il-Ministru Farrugia spjega li ħafna drabi x-xogħol ikun ifisser li triq tinbena mill-ġdid, b’servizzi u bankini totalment ġodda u b’disinn li jservi saħansitra għal mobilità attiva.
B’hekk, b’dawn il-billboards, il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu l-informazzjoni kollha dwar il-proġetti li jkunu qed isiru.
Qal, “Il-poplu Malti jrid aktar xogħlijiet infrastrutturali f’pajjiżna, imma rridhom fil-ħin, u dak hu xogħolna. Rajna, wara laqgħat li kellna fl-aħħar ġimgħat anke bħala ministeru, li hemm pjan ta’ ħames punti. L-ewwel nett dan hu li jkun hemm billboard ma’ kull triq li tkun magħluqa minħabba x-xogħlijiet”.
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li din l-istrateġija tinkludi kemm realment għandhom disponibbli l-kuntratturi għax-xogħol li jkunu applikaw għalih. U dan anke biex min ma jkollux ħaddiema meħtieġa ma jikkwalifikax għal ċerti xogħlijiet.
Sadanittant dan l-istazzjon hu informat li l-blacklisting tal-kuntratturi għal dewmien jew xogħol li jsir ħażin issa se jimxi għal-livell li jmiss u dawk li ma jiġġustifikawx in-nuqqasijiet tagħhom allura jiġu esklużi minn kuntratti ’l quddiem.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Farrugia spjega li l-proċess għal permessi biex jingħalqu t-toroq se jiġi ċċentralizzat u se jkun fuq sistema diġitali ta’ Transport Malta biex ma jkunx hemm toroq magħluqa vicin xulxin fl-istess ħin.
Dan sakemm x-xogħlijiet ma jkunux ta’ emerġenza u b’hekk ma jistgħux jiġu evitati.
Qal, “Il-permessi li, permezz tagħhom, jingħalqu t-toroq se jkunu ċentralizzati. Illum għandek lil Transport Malta, li tagħtik permess biex tagħlaq triq, flimkien mal-kunsilli lokali. Illum din is-sistema se tkun ċentralizzata permezz ta’ sistema diġitali fejn ikollna kollox ċentralizzat, allura nafu minn lokal għal lokal x’permess qed jingħata biex isiru x-xogħlijiet, imma importanti wkoll li l-ammonti ta’ permessi jkunu limitati.”