It-Tnejn waranofsinhar, fl-aħħar seduta għal din is-sena, il-Parlament Malti għadda l-baġit għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Il-vot tal-baġit ġie approvat bis-saħħa tal-Gvern, dan hekk kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvotat kontra baġit li kellu enfasi speċjali fuq l-oqsma soċjali u miżuri li jtejbu l-livell tal-ħajja taċ-ċittadini u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Baġit li, saħansitra, intlaqa’ mill-imsieħba soċjali ta’ pajjiżna.
Fil-Parlament, fi stadju ta’ kumitat ta’ provvista, il-Baġit 2025 għadda b’41 vot favur u 33 vot kontra.
Ta’ min ifakkar kif il-miżura ewlenija ta’ dan il-baġit hi t-tnaqqis tat-taxxa għall-middle class, li jfisser li aktar minn mitt miljun ewro se jibqgħu fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan minbarra ż-żieda ta’ €250 għal kull wild fiċ-Children’s Allowance, żieda oħra fil-pensjonijiet għall-għaxar sena konsekuttiva u 100,000 familja li se jgawdu mill-COLA addizzjonali.
Ma’ dan, filwaqt li l-pajjiżi kollha madwarna u anke fil-bdija tad-dinja għaddejjin minn kriżi għar-raba’ sena konsekuttiva, mhux l-inqas minħabba l-gwerer, il-Gvern Laburista Malti, immexxi mill-Prim Ministru Dr Robert Abela, mill-ġdid qed ikompli jissussidja l-prezzijiet kollha tal-enerġija, speċifikament, dawk tad-dawl, il-gass u l-fuels.