Il-proposti li ressaq Adrian Delia għall-għajnuna ta’ persuni li huma milquta b’mod negattiv kawża tal-Coronavirus kienu jwasslu għal inugwaljanza għad-detriment ta’ dawk li jaqilgħu l-anqas.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Gvern sabiex iħallas nofs il-pagi tal-ħaddiema kollha fis-settur privat, inkluż dawk il-ħaddiema li ġejjin minn setturi mhux milquta b’mod negattiv mill-Coronavirus.
Fi kliem sempliċi, Delia ddisinja miżura li kienet se tħalli lil dawk f’paga minima bi dħul ta’ €520 fix-xahar u dawk f’pagi ogħla kien se jibqalhom f’idhom medja ta’ €1,400 fix-xahar.
Minn naħa l-oħra, l-patt soċjali storiku li ddaħħal mill-Gvern wara qbil mal-imsieħba soċjali kollha fisser li l-ħaddiema li ġejjin mis-setturi l-aktar milquta kienu se jibqgħu jirċievu medja ta’ 90% tal-pagi tagħhom.
ĦADDIEM B’PAGA MINIMA | ĦADDIEM B’PAGA TA’ €1,700 | |
PATT SOĊJALI TAL-GVERN | €800 FIX-XAHAR | €850 FIX-XAHAR |
MIŻURI TAL-PN | €520 FIX-XAHAR | €1,200 FIX-XAHAR |
DIFFERENZA TA’ | €280 FIX-XAHAR | €350 FIX-XAHAR |
Apparti dan, b’dak li ddaħħal fis-seħħ mill-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija fisser ukoll li dawk f’paga minima kienu se jirċievu żieda ta’ aktar minn €20 fix-xahar.
It-Torċa nnutat ukoll li ċ-ċifri li kkwota Delia eskludew 39,000 ħaddiem li jagħmlu xogħol part-time li l-maġġoranza tagħom huma nisa u ħaddiema li ġejjin mis-setturi li milquta l-agħar.
Lil dawn il-ħaddiema l-Gvern se jkun qed itihom ħlas pro rata ta’ €500 fix-xahar.
Intant minn analiżi li għamlet il-gazzetta Kulħadd ħareġ ukoll li bil-patt soċjali tal-Gvern, il-ħaddiema kollha li ġejjin mis-setturi li huma l-aktar milquta kienu se jibqgħu jirċievu medja ta’ 90% tal-pagi tagħhom.
Il-gazzetta rrappurtat li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq ukoll diversi miżuri li ma ġewx costed, jiġifieri Adrian Delia ppropona miżuri li ma jafx x’piż se jkollhom fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
It-Torċa għamlet analiżi tal-miżuri Nazzjonalisti u stmat li kieku ddaħħlu fis-seħħ kienu se jkabbru d-dejn Nazzjonali bi 8% fuq tliet xhur biss u dawk li kienu jaqilgħu pagi ferm ogħla minn ħaddiema oħra kienu ser jiġu ssusidjati aktar mill-ħaddiem iż-żgħir li l-aktar li għandu bżonn.